Lokali

L-ebda indikazzjoni ta’ inċident fil-każ ta’ Lisa Marie Zahra

M’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ inċident, sew ġewwa kif ukoll barra mill-iskola li seta’ jwassal għat-traġedja tad-19 ta’ Marzu, li fiha tilfet ħajjitha Lisa Marie Zahra (ritratt) ta’ 15-il sena, bl-għalliem tagħha Erin Tanti ta’ 23 sena qed isofri minn feriti gravi. It-tnejn li huma nstabu taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.

Fi stqarrija St Michael’s Foundation, li tmexxi l-iskola li kienet tattendi Zahra u li kienet timpjega lil Tanti bħala supply teacher, qalet li dejjem kienu segwiti l-proċeduri u r-regolamenti mitluba fil-Liġi fejn jidħol l-ingaġġ ta’ għalliema. L-istqarrrija tkompli li l-Fondazzjoni mhux se tidħol fi spekulazzjoni, iżda ħeġġet lill-għalliema u l-istudenti biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet.

St Michael’s Foundation qalet li Lisa Marie Zahra kienet ilha studenta sa minn meta kellha 11-il sena u t-telfa tagħha xxukkjat u nikktet lill-għalliema u l-istudenti sħabha tal-Kulleġġ.

Il-Funeral ta’ Lisa Marie Zahra, li kellu jsir is-Sibt imma ġie pospost, issa se jsir għada wara nofsinhar fil-Knisja tal-Karmnu fil-Belt. Dan wara li l-awtoritajiet kienu żammew il-katavru minħabba l-investigazzjonijiet fil-każ.

Sadanittant, f’dik li jidher li hi relatata ma’ dan il-każ, fl-aħħar sigħat il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo kiteb lis-Segretarju Permanenti u lid-Diretturi fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni biex jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli jkun żgurat li kull persuna li tgħallem f’xi skola, anke jekk supply, ikollha l-warrant anke jekk wieħed temporanju kif tesiġi l-Liġi tal-Edukazzjoni.

Fl-ittra, il-Ministru Bartolo qal li jirriżulta li hemm nuqqasijiet fil-Liġi, is-sistema amministrattiva u l-proċeduri eżistenti għal dawn l-aħħar snin li jista’ jkun li jippermettu persuna tgħallem fi skola mingħajr warrant minħabba li ma jsirux l-iskrutinji meħtieġa. Il-Ministru talab lill-Kapijiet tad-Dipartimenti biex jidentifikaw dawn in-nuqqasijiet sal-aħħar ta’ Mejju.