Waqt żjara li għamel fl-iSports Fest li qed isir fuq il-Kampus tal-Università, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem dwar l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li l-pajjiż ikompli jtejjeb il-kwalità tal-isport fil-livelli kollha tiegħu, kemm dawk sportivi kif ukoll dawk amministrattivi.
F’diskussjoni mal-istudenti Universitarji li qed jieħdu sehem fl-iSports Fest, Robert Cutajar qal li permezz tal-fergħa Tim Sport PN, il-PN se jorganizza konferenza nazzjonali dwar l-isport. F’din il-konferenza nazzjonali, li se tinżamm bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, se jkunu diskussi l-aspetti kollha marbuta mal-isport fil-pajjiż. Il-konferenza se tkun qed tiffoka fuq l-aspett sportiv professjonali u anke fuq il-mod kif l-isport jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jipparteċipaw.
Għalhekk, minbarra li se tiffoka fuq it-titjib fil-livell sportiv tal-atleti Maltin, il-konferenza se tiffoka wkoll fuq il-mod li bih l-isport jista’ jgħin kontra l-obeżità u kif jista jkun mezz ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar. Minbarra dawn l-aspetti, il-konferenza se tiffoka wkoll fuq l-amministrazzjoni tal-isport.
Bhala parti mill-konferenza, se jsiru wkoll diversi avvenimenti sportivi u se jiġu ppreżentati ħames rapporti għad-diskussjoni. L-aħħar sessjoni tal-konferenza se tieħu l-forma ta’ djalogu bejn is-settur sportiv u bejn atleti u sportivi Maltin, li huma kkunsidrati bħala mudelli fil-karriera sportiva tagħhom.
F’messaġġ lill-istudenti Universitarji, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella biex jipparteċipaw aktar fl-isport u biex l-Università jkollha identità sportiva b’saħħitha, fuq l-istess livelli li għandhom universitajiet barranin.
//= $special ?>
