Knisja Kultura

Attivitajiet f’Ħad-Dingli biex jitfakkar is-75 anniversarju mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokjali

Il-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli se torganizza Festa Familja, il-Ħadd li ġej f’għeluq l-attivitajiet biex tfakkar il-75 anniversarju mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokjali. Fid-9.30am l-Arċisqof Pawlu Cremona se jmexxi Quddiesa fil-Knisja u eżatt wara jingħata bidu għal attività soċjali u rikreattiva għall-familja kollha, li tibqa’ sejra sal-5.30pm.

Fost l-attrazzjonijiet, filgħodu se ssir wirja ta’ karozzi mill-Classic Sports Car Club Malta, fl-10.45am isir tberik tal-annimali u preżenza mit-Taqsima tal-Klieb tal-Korp tal-Pulizija u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Wara nofsinhar se jittella’ spettaklu ta’ talent lokali u nazzjonali, fosthom ir-rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest Gaia Cauchi u Ġorġ u Pawlu, tombla u fiera tradizzjonali. Matul il-ġurnata kollha se jsir bejgħ ta’ ħaxix, frott u prodotti ta’ kuljum, ikel u xorb, artiġġjanat Malti u logħob għat-tfal.