Lokali Qorti

Azzjoni tal-FAM fuq eżami ta’ suldat titqies bħala abbużiva u bla raġuni

Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef, iddikjarat li d-deċiżjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta li ma tħallix suldat joqgħod għal eżami riparatorju biex jiġi promoss għal Sewwieq B2, bħala abbużiva u bla raġuni.

F’kawża li s-suldat Kevin Azzopardi kien ippreżenta kontra l-Prim Ministru u l-Kap Kmandant tal-FAM, hu lmenta li ma tħalliex jagħmel dan l-eżami riparatorju li seta’ jwasslu biex jingħta promozzjoni bla ebda raġuni u li l-uiffiċċju tal-FAM kien għamel żball kbir fil-konfront tiegħu.

Fil-Qorti ħareġ kif dan is-suldat, li kien jokkupa l-kariga ta’ Lance Bombardier, kien applika għal sejħa fil-grad bħala Sewwieq B2 fejn il-kandidati kellhom jgħaddu minn żewġ testijiet, wieħed tal-kitba u l-ieħor prattika.

Kienu applikaw ħafna aktar suldati milli mistennija u għalhekk l-armata kellha taqsam lill-applikanti f’żewġ gruppi. Grupp minnhom kellu l-eżami tal-kitba fit-28 ta’ April tal-2008 u tal-prattika sarilhom ġurnata wara. Il-grupp l-ieħor kellhom l-eżami tal-kitba fis-26 ta’ Mejju u l-eżami tal-prattika fis-27 ta’ Mejju.

Sadanittant, l-eżami riparatorju għall-prattika kellu jsir fil-5 ta’ Ġunju u tal-kitba fit-12 ta’ Ġunju Azzopardi kien għadda mit-test tal-kitba iżda weħel mill-prattika. Madankollu, ismu ma kienx ġie mniżżel ma’ dawk li kienu għaddew mill-eżami tal-kitba u kien ingħad lilu verbalment biex jagħmel l-eżami riparatorju.

Waqt dan l-eżami hu kien ġie akkużat li kkopja u li kellu żewġ gomom bil-kitba fuqhom. Mill-ewwel hu kien ġie skwalifikat mill-eżami. Kien biss aktar tard li sar magħruf li hu kellu jagħmel l-eżami riparatorju fil-prattika u mhux fil-kitba.

Azzopardi, għalhekk kien ressaq ilment formali, iżda ngħataw il-promozzjonijiet u l-ilment tiegħu baqa’ jiġi nvestigat u mingħajr ma ħa l-ebda risposta.  Għalhekk ma kienx tqies eleġibbli għall-promozzjoni.
L-Imħallef Micallef qal li kien jidher ċar li Azzopardi kien għadda mill-eżami tal-kitba hekk kif ġab aktar mill-marka li biha kien jgħaddi. Qal li kieku l-Forzi Armati għamlu l-proċess tal-eżamijiet kif suppost, kieku Azzopardi ma kienx jissejjaħ biex jerġa’ jagħmel l-eżami meta kien diġà għadda minnu.

Ingħad li Azzopardi sofra minħabba l-iżbalji li għamlet l-armata u li ma kellu ebda tort fihom. Huwa mistenni li Azzopardi jibda proċeduri għad-danni kontra l-Armata.