Lokali

David Casa jappella biex issir solidarjeta’ ma’ Dar il-Kaptan

David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew żar Dar il-Kaptan, organizzazzjoni li tipprovdi ħarsien għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Hu żar il-bini ta’ din l-NGO ilbieraħ wara nofsinhar u appella lill-pubbliku biex japprezza l-kontribut li din is-soċjeta’ tat lis-soċjeta’ f’dawn l-aħħar 22 sena.

Dar il-Kaptan hi ċentru għar-respite, jiġifieri tipprovdi ħarsien lil persuni b’diżabbilta’ sabiex tittaffa l-pressjoni tal-familji tagħhom.
David Casa qal li Dar il-Kaptan tikkontribwixxi bil-kbir biex il-kwalita’ tal-ħajja tal-familji li jeħtieġu appoġġ tissaħħaħ. Hu appella lill-pubbliku biex juru solidarjeta’ ma’ din il-fondazzjoni eżemplari u oħrajn bħalha.

Hu spjega wkoll li l-Ewro Parlamentari kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għandhom jużaw il-profil pubbliku tagħhom biex jinformaw lin-nies dwar il-kawżi fis-soċjeta’.

David Casa stqarr li l-Parlament Ewropew għandu r-rwol li jsaħħaħ il-ħajja tan-nies b’diżabbilta’, primarjament fejn jidħlu l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Hu qal li Ewro Parlamentari jista’ jaffettwa l-ħajja tan-nies billi jassiguraw tolleranza żero għad-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, joħloq infrstruttura li tindirizza ħtiġiet partikulari, iżżid l-iffinanzjar, jaqsam l-aħjar prattiċi u jqajjem għarfien.