Omm li tilfet lil bintha ta’ sentejn, meta kien għad kellha 28 sena, f’inċident fatali tat-traffiku li seħħ disa’ snin ilu, ingħatat kumpens ta’ €208,477 wara li Qorti ddeċidiet li kemm is-sid u x-xufier tal-vettura kienu responsabbli.
Il-każ kien ġara f’Jannar tal-2005 meta Marthese Vella kienet mixja għall-affari tagħha fuq bankina f’Ħal Qormi, u timbotta lil bintha li kienet fil-‘pushchair’. Karl Micallef ta’ 18-il sena, li kien ġab il-liċenzja tas-sewqan tliet xhur qabel, kien qed isuq vann bla liċenzja u bla polza tal-assikurazzjoni li kien ta’ Joseph Azzopardi li kien iħaddmu.
Waqt li Micallef kien qed isuq, ċempillu Azzopardi li talbu spjegazzjoni għalxiex kien se jasal tard għax-xoghol. Dak il-ħin, Micallef skiddja, bil-konsegwenza li laqat lil Vella u lil bintha. L-omm sofriet diżabbiltà permanenti ta’ 40 fil-mija, filwaqt li bintha mietet minħabba l-ġrieħi li sofriet.
L-omm kienet bdiet proċeduri kontra x-xufier u s-sid tal-vettura u fl-2008 wara li twaqqaf il-Fond għall-Protezzjoni u l-Kumpens, sar invent fil-każ mill-Bureau tal-Assigurazzjonijiet tal-Karozzi.
Fil-proċeduri fil-Qorti ħareġ li x-xufier kien kiseb il-liċenzja xahrejn qabel seħħ il-każ u li kien jaħdem ma’ ħanut li jbigħ il-fjuri. Is-sid tal-vann qal li ma kienx iħallas il-liċenzja u l-polza tal-assikurazzjoni għax ma kellux flus. Ħareġ ukoll fil-Qorti li dak il-ħin li fih seħħ l-inċident, it-triq kienet għadha mxarrba bin-nidha, iżda deher li l-karozza kienet misjuqa b’veloċità qawwija.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef Mark Chetcuti qal li kemm Micallef, kif ukoll Azzopardi kienu responsabbli għall-inċident. Sostna li peress li l-omm ma baqgħetx aktar indipendenti u kienet se ssibha diffiċli biex issib xogħol fil-futur allura ordna li tingħata €133,477 f’danni.
Fattur ieħor kien il-mewt tat-tifla ta’ sentejn u għalhekk ta’ €150,000 f’danni lill-familja. Peress li dan hu mewt ta’ minuri, nofs il-flus imorru għand il-ġenituri, filwaqt li n-nofs l-ieħor imur għand xi tfal oħra.
Il-ġenituri kienu sseparaw 10 xhur wara li seħħ l-inċident iżda r-raġel ta l-kumpens kollu lill-omm. Peress li l-omm hi l-werrieta ta’ bintha, hi rċeviet is-somma ta’ €75,000. It-tifla l-oħra tal-koppja ma kinitx rappreżentata fil-każ u għalhekk ma setgħetx tirċievi xi flus għad-danni.
//= $special ?>
