It-tip ta’ Prim Ministru li għandna qed jibda jidher issa li diġà għaddiet sena mindu Joseph Muscat sar Prim Ministru u nistgħu inqisu l-fatti f’kuntrast mal-paroli bombastiku tiegħu. Għax din kienet sena li fiha rajna l-qgħad tiela’ flok nieżel kif inhu nieżel f’pajjiżi oħra, il-kummerċ jonqos kif jixhdu ċ-ċifri tal-gvern, u l-istituzzjonijiet li suppost jiddefendu lilna jitnawru bil-maħturin ta’ Muscat li qed jiddefendu lilu flok lin-nies.
Gvern ta’ kulħadd jaħtaf
Malta Tagħna Lkoll, l-akbar wegħda ta’ Muscat, illum hi biss katavru li qed isirlu funeral bis-slow motion. Għax din kienet sena li fiha Muscat bil-ħatriet li għamel impressjoni waħda ta: li hu u ta’ madwaru daħlu fil-politika biex jaħtfu kemm jifilħu. Imma issa, għall-akkuża li Muscat qed imexxi gvern ta’ kulħadd jaħtaf, flok imieri dan jew jgħid li mhux veru, qed jipprova jitfa’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni fl-istess xkora miegħu u jgħid li għamel bħalu. Ir-risposta tat-tfal fil-bitħa tal-iskola: ‘int ukoll’.
Muscat jipprova jagħti tiegħu lil ħaddieħor
Muscat ħareġ hu personali jgħid nofs veritajiet, li nafu li huma agħar min gidba, u jipprova jgħid li Simon Busuttil għamel xi ħaġa ħażina f’servizzi li gvern Nazzjonalista kien ħa mingħand kumpanija ta’ esperti dwar l-Unjoni Ewropea li Simon Busuttil kien waqqaf snin ilu, ferm qabel ma dħalna fl-Unjoni Ewropea.
Talbiet għal pariri ta’ esperti u biex Simon Busuttil imexxi l-MIC
Issa, l-ewwel nett, dawn kienu talbiet ta’ gvern – li Simon Busuttil ma kienx parti minnu – biex il-gvern ikollu pariri ta’ esperti dwar l-Ewropa qabel is-sħubija u fin-negozjati u li l-biċċa l-kbira minnhom intalbu b’mod kompetittiv. Seta’ daħal għalihom kull min kellu expertise dwar l-Ewropa. Kien hemm ukoll fost dawn it-talbiet, it-talba diretta biex Simon Busuttil imexxi l-kampanja ta’ informazzjoni dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Żgur ma kellhomx jitolbu lil Muscat imexxi l-informazzjoni dwar is-sħubija!
U la llum u lanqas dak iż-żmien m’hawn xi ħadd li jiddubita li Simon Busuttil kien l-aħjar bniedem biex imexxi tajjeb, kif mexxa, l-għoti tal-fatti fuq is-sħubija. Il-gvern dak iż-żmien żgur li ma setax jitlob lil xi Joseph Muscat biex jagħti l-informazzjoni fuq is-sħubija, għax dak iż-żmien Muscat kien qed imexxi kampanja iva, imma ta’ gideb kontra s-sħubija, biex wara mar jiġri ħa jilħaq siġġu fil-Parlament Ewropew.
Muscat iħallas lilu nnifsu 70,000 ewro
Dan hu Muscat: tiegħu jipprova jagħtih lil ħaddieħor. Għax hu Muscat li qed jikri l-karozza tiegħu lilu nnifsu u sal-aħħar tal-leġiżlatura se jkun daħħal f’butu 70,000 ewro. Lanqas fl-agħar dittatorjati ma jkollok mexxej li jħallat dak li hu tiegħu personali mal-kariga pubblika tiegħu u flok juża karozza minn dawk li kull stat ikollu mqar għal eks mexxejja, jikri tiegħu lilu nnifsu u jdaħħal f’butu ferm aktar milli tiswa.
Muscat jaġevola lill ħabib tal-familja tiegħu stess u s-sieħba fin-negozju ta’ martu stess
Hu Muscat li lill-ħabib personali tal-familja tiegħu stess, Jeffrey Curmi, qabbżu erba’ promotions f’daqqa biex għamlu Kap Kmandant tal-armata. Hu Muscat li lis-sieħba fin-negozju ta’ martu stess, Michelle Buttigieg, taha ħatra fl-uffiċċju tat-turiżmu fi New York tieħu 60,000 ewro fis-sena u hemmhekk tippromwovi n-negozju ta’ mart Muscat.
Gvern jinten minn rasu li qed jipprova jxomm lil min ġablu s-siġġu fl-Ewropa
Dan hu l-gvern ta’ kulħadd jaħtaf, il-gvern ta’ Muscat, gvern jinten minn rasu, u li qed jgħid li jinten taf xiex u min? It-talba u min ġablu s-siġġu li Muscat stess tant ħadem biex l-ebda Malti qatt ma jieħu u mbagħad mar hu minn tal-ewwel jiġri biex jieħdu fil-Parlament u t-talba min ġablu s-siġġu biex issa jmur jiddandan jieħu r-ritratti fil-laqgħat għolja Ewropej.