Lokali

Ħaddiema tal-Freeport imħasbin dwar kif it-tanker bil-gas se jaffetwahom

Il-ġimgħa li għaddiet ġie żvelat li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jinsabu f’inċertezza kbira hekk kif wara li nbiegħet parti sostanzjali tal-Korporazzjoni lill-kumpanija tal-Gvern Ċiniż, ġew infurmati li se jkun hemm tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Fost l-għazliet li mistennija jkollhom quddiemhom ħaddiema tal-Enemalta hemm dik li ma jibqgħux jaħdmu mal-Enemalta iżda jiġu trasferiti għal mal-kumpanija Ċiniża. Oħrajn jistgħu jmorru jaħdmu barra. Waqt li oħrajn jistgħu jiġu offruti tnaqqis fil-pagi u fl-allowances.

Issa, jidher, skont l-informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, li anke l-ħaddiema tal-Freeport għandhom inċertezza quddiemhom. Din id-darba riżultat tad-deċiżjoni tal-MEPA li t-tanker bil-ħazna tal-gass jigi ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Dan it-tanker, għal numru ta’ drabi fis-sena – bejn 7 u 12-il darba – jkollu jimtela’ bil-gass minn vapur iżgħar – proċess magħruf bħala refuelling.

Hu mifhum li dan il-proċess li mistenni jieħu b’kollox 230 siegħa kull sena, jista’ jħalli effett fuq l-operat tal-Korporazzjoni tal-Freeport.

Bil-mistoqsijiet li qed jagħmlu ħafna ħaddiema huma jekk hux se jitmissulhom il-pagi jew l-allowances, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-kelma fost il-ħaddiema tal-Freeport qed timxi li mhux se jkun jista’ jsir xoghol f’dawk is-sighat li t-tanker LNG Gemini ikun qed jigi refuelled.

Madanakollu, il-Kap Ezekuttiv tal-Freeport Aaron Farrugia, li tpoġġa fil-kariga mill-Gvern Laburista fl-aħħar xhur, wara li kien Segretarju Edukattiv u anke Segretarju tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, qal li hu għandu assigurazzjoni mill-Ministeru ta’ Konrad Mizzi u minn Transport Malta, li titmexxa mill-eks Kap Ezekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo, li l-Freeport mhux se jiġi effetwat bid-deċizjoni tal-MEPA.  Mistoqsijiet li saru fil-laqgħa pubblika, qabel u wara, dwar dan, ma ġewx imwieġba.

Iżda filwaqt li Aaron Farrugia ħareg jiddikjara li għandu kull garanzija li l-Freeport mhux se jkun affettwat bit-tanker bil-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk, il-kumpanija CMA-CGM, l-operaturi barranin tal-Freeport, kienet aktar kawta.

U għall-mistoqsijiet li bagħat dan l-istazzjon, it-tweġiba kienet li ma jixtiqux jitkellmu dwar din il-kwistjoni. Dan jagħti x’jifhem li filwaqt li Aaron Farrugia qal li għandu xi tip ta’ garanzija, l-kumpanija barranija ma ngħatat l-ebda tip ta’ garanzija li l-operat tagħha mhux se jintmess.