Lokali Qorti

Il-gazzetta ”Il-Mument” kienet korretta f’artiklu li ppubblikat fil-konfront tal-eks Kummissarju Lawrence Pullicino

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph Azzopardi, annullat sentenza li ngħatat mill-eks Imħallef Philip Sciberras dwar każ ta’ libell li kien sar mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Pullicino.

Il-libell kien sar kontra l-Editur tal-gazzetta Il-Mument, bl-Imħallfin fis-sentenza tagħhom jgħidu li l-ġurnaliżmu nvestigattiv għandu jiġi protett, anke jekk dak li jiġi rrappurtat mhux bilfors ikun kompletament korrett. F’dan il-każ, iżda, dak li ngħad kien veritier anke jekk ma kienx każ uniku.

L-eks Kummissarju Lawrence Pullicino kien fetaħ kawża ta’ libell għad-danni f’Mejju 1997 kontra l-Editur ta’ Il-Mument Victor Camilleri u Paul Spiteri bħala stampatur. Dan il-libell kien dwar artiklu li kien ġie ppubblikat u li kien jgħid li waqt li kien qed iservi sentenza ta’ ħabs, l-eks Kummissarju kellu trattament preferenzjali meta mqabbel mal-priġunieri l-oħrajn.

L-artiklu kien jgħid li Pullicino ma kienx jinżamm fiċ-ċella bejn in-12.30pm u s-2pm bħall-priġunieri l-oħrajn, u li kien jitħalla jmur ħdejn ir-rixtellu ta’ barra meta priġunieri oħrajn ma kellhomx permess jagħmlu dan.

Ingħad ukoll li kien jingħata permess għal aktar minn vista waħda fil-ġimgħa, kien jiġi eskortat l-Isptar minn membru tal-iSpecial Response Team minflok minn Pulizija tal-Mobile u kellu aċċess għal uffiċċju minn fejn kien jagħti konsulenza lill-Gvern dwar il-bini ta’ Ħabs ġdid fl-Imtaħleb.

Fil-kawża ta’ libell għad-danni, Pullicino kien qal li dawn l-allegazzjonijiet ħolqulu kwistjonijiet ma’ ħabsin oħra, li ħassewhom ittrattati differenti. L-istampatur Paul Spiteri kien qal li bħala stampatur ma kellux x’jaqsam mal-każ, filwaqt li Victor Camilleri qal li hu kien għamel kumment ġust dwar kwistjoni li kienet ta’ nteress pubbliku. Fost ix-xhieda li nstemgħu quddiem il-Qorti Ċivili kien hemm min qal li, filwaqt li ħafna mill-allegazzjonijiet kienu vera, ma kienx biss Lawrence Pullicino li kien stmat b’dan il-mod.

Fl-ewwel Qorti, l-Imħallef Sciberras kien qal li x-xhieda tal-eks Kummissarju Emmanuel Cassar u tal-Uffiċjal tas-Sigurtà Bernard Zahra kienu qrib ħafna ta’ dak li nkiteb fl-artiklu. Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li x-xhieda ta’ Zahra ma kinitx ta’ min joqgħod fuqha għax kien iben l-Editur ta’ In-Nazzjon. F’Mejju 2012, il-Qorti Ċivili tat sentnza kontra Victor Camilleri u ordnatlu jħallas €1,747 f’danni lil Lawrence Pullicino.

Din is-sentenza kienet appellata u Camilleri qal li billi l-allegazzjonijiet ma jkunux korretti mija fil-mija, ma jfissirx li dawn huma defamatorji. Sostna li Pullicino kien eks Kummissarju tal-Pulizija u għalhekk mhux sempliċi ħabsi bħall-oħrajn. Saħaq li jekk xejn, tpoġġiet f’dawl ikrah l-amministrazzjoni tal-Ħabs, li dehret li għamlet favoritiżmi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell irrevokat is-sentenza tal-Qorti Ċivili u lliberat lil Camilleri mid-defamazzjoni.