Waqt l-inawgurazzjoni tal-House of Four Winds fil-Belt fejn se jibda jiltaqa’ l-Bord tal-Bank of Valletta, il-Prim Ministru Joseph Muscat ftaħar li l-Gvern irnexxielu jattira investiment barrani fil-qasam tal-enerġija u dan billi jbigħ ishma f’ekonomija li kienet qed tagħmel it-telf.
Il-Prim Ministru kien qed jirreferi għal privatizzazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta lil kumpanija tal-Gvern Ċiniż. Imma l-Prim Ministru ma qalx li dan sar bi ksur ta’ wegħda elettorali meta qabel l-elezzjoni kien wiegħed lil ħaddiema tal-Enemalta li ma kienx se jipprivatizza lil Enemalta.
Issa l-ħaddiema ta’ din il-Korporazzjoni qed jiffaċċjaw futur inċert hekk kif jistgħu jintabgħtu jaħdmu ma kumpanija barranija filwaqt li jistgħu jitilfu parti sostanzjali mid-dħul tagħhom.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u Ewropea u qal li hemm ħafna nies interessati li qed japplikaw u li għandhom networks globali, li Malta trid tisfrutta.
Skont il-Prim Ministru, l-ekonomija sejra tajjeb tant li matul is-sena li għaddiet it-tkabbir kien ta’ 2.4 fil-mija u għalhekk l-ekonomija kibret iktar milli mistenni. Hu qal li d-defiċit mistenni jinżel taħt it-3 fil-mija.
Sadattant, iċ-Chairman tal-BoV, John Cassar White qal li fost l-isfidi li għandu quddiemu l-Bank hemm l-Analiżi tal-Kwalita` tal-Assi mill-Bank Ċentrali Ewropew u stress test bħala riżultat tal-ftehim il-ġdid tal-Union tal-Bankiera. Hu qal li l-BoV irid jinvesti f’teknoloġija tal-informatika moderna u fl-infrastruttura ta’ management.
Hu qal li hemm prospetti sbieħ għal ekonomija u faħħar l-istrateġija tal-Gvern dwar l-enerġija.
Il-Bank of Valletta bħalissa jimpjega madwar 1,600 ruh u l-House of Four Winds kienet binja ta’ żmien l-Ingliżi li kienet tintuża għal uffiċċji governattivi.
//= $special ?>

