Lokali Unjoni Ewropea

Il-qasam kulturali u artistiku hu marbut mal-identità nazzjonali

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal li jekk ikun elett bħala Membru Parlamentari Ewropew se jagħti prijorità lill-qasam kulturali u artistiku, anke għax dan hu marbut mal-identità nazzjonali. Francis Zammit Dimech qal dan meta żar il-provi tal-produzzjoni “Divas”, li qed tittella’ mill-kumpanija taż-żfin YADA fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Francis Zammit Dimech, li hu wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kultura u l-Arti, segwa l-aħħar tħejjijiet ta’ din il-produzzjoni, li fi tmiem din il-ġimgħa se tittella’ fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali. Hu qal li ilu jsegwi s-suċċessi tal-YADA sa mit-twaqqif tagħha u kien ta’ sodisfazzjon għalih li dejjem ta l-appoġġ kollu tiegħu lejn il-qasam artistiku u kulturali fil-pajjiż, b’mod speċjali lejn it-talent żagħżugħ.

Francis Zammit Dimech irrefera wkoll għall-manifest “Shaping Europe through Culture“, li jenfasizza kif wieħed jista’ jsaħħaħ l-Ewropa billi jinvesti aktar fl-arti, fil-kultura u fil-wirt storiku. B’hekk, wieħed ikun qed joffri stimolu konkret favur il-ħolqien tax-xogħol permezz tal-industrija kreattiva. Hu awgura lill-YADA fl-okkażjoni tat-30 anniversarju u għall-ispettaklu li se ttella’ fi tmiem din il-ġimgħa.