Qorti

Il-Qorti tonqos milli tindika artiklu mill-Kodiċi Kriminali u għalhekk l- akkużat ma setax jinstab ħati

Ordni biex il-każ jinstema’ mill-ġdid. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Michael Mallia, ikkonkludiet li sentenza fil-konfront ta’ Geani Roberto Morin, li huwa Rumen, għandha titqies bħala nulla u bil-każ jinstema’ mill-ġdid.

Il-Qorti wara li rat is-sentenza li ngħatat lil Morin fil-Qorti tal-Maġistrati, qalet li meta tingħata sentenza kontra akkużat, għandhom jissemmew il-fatti li tagħhom ikun instab ħati, tingħata l-piena u jissemmew l-artikli mill-Kodiċi Kriminali jew ta’ xi liġi oħra li tkun tikkontempla r-reat.

Qalet tal-Appell qalet li f’dan il-każ partikolari, il-Qorti tal-Maġistrati sabet lir-Rumen ħati li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqin, iżda meta  ġiet biex tagħti s-sentenza naqset milli tindika l-artiklu li jikkontempla dan ir-reat. Għalhekk qalet li b’dan in-nuqqas waħdu s-sentenza, diġà għandha tiġi kkunsidrata nulla.

Ingħad ukoll li l-ewwel Qorti naqset milli tgħid x’deċiżjoni ħadet dwar ir-raba’ kap ta’ akkuża fejn ħolqot stat konfużjonali lill-akkużat dwar jekk kienx ġie lliberat jew inkella nstab ħati. Qalet li dan il-każ ukoll iwassal biex deċiżjoni tiġi ddikjarat nulla.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li tilqa’ l-appell u għalhekk iddikjarat is-sentenza nulla. Ordnat ukoll li terħa’ tinstema’ l-kawża mill-ġdid bi trattazzjoni dwar il-mertu.

Il-każ kien jirrigwarda akkużi fil-konfront ta’ Morin li seraq mowbajl, qmis u jeans filwaqt li sgassa xi ħwienet f’Tas-Sliema. Barra minn hekk, kien ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu skieken u miegħu kienu akkużati wkoll terzi persuni li għenuh f’dan ir-reat. Fis-sentenza li ngħatat lill-akkużat mill-Qorti tal-Maġistrati Morin kien intbagħat 18-il xahar ħabs.  Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ kienet tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.