Knisja Lokali

Illum l-ewwel “Festa ta’ Maħfra” fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Kristu Redentur

Hekk kif il-Knisja Kattolika bħalissa qed tiċċelebra Żmien ir-Randan, illum tkun iċċelebrata l-Festa ta’ Kristu Redentur, li hi sinonima mal-Maħfra u mas-Sagrament tal-Qrar. Għal din il-festa u b’rabta mal-Festa tad-Duluri, li tkun ċelebrata ġimgħatejn oħra, din is-sena l-Konferenza Episkopali Maltija ħarġet b’inizjattiva mhux tas-soltu.

Il-Knisja f’Malta u Għawdex qed torganizza dik li qed issejħilha “Festa ta’ Maħfra”, li l-Isqfijiet Maltin għażlu li jifirxuha fuq jumejn differenti, propju llum u lejliet id-Duluri. Dan wara li l-Papa Franġisku, li fil-messaġġi tiegħu sikwit jitkellem dwar il-Ħniena ta’ Alla, stieden lill-Insara jipparteċipaw f’inizjattiva simili llum u għada fil-Bażilika ta’ San Pietru u f’diversi Knejjes f’Ruma.

F’pajjiżna, illejla ħames Knejjes f’Malta u oħra f’Għawdex se jibqgħu miftuħin sa 12am jew aktar, għall-Qrar. Iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali f’kull Knisja tibda b’Quddiesa, biċ-ċelebrazzjoni nazzjonali se tkun dik immexxija mill-Arċisqof Pawlu Cremona. Fis-6pm jibda l-Pellegrinaġġ annwali bl-istatwa Mirakoluża tar-Redentur tal-Isla fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina. Wara, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa u sa 12am ikun hemm ħin għall-Qrar.

Ċelebrazzjonijiet oħra se jsiru fil-Millennium Chapel f’Paceville, fejn se jipparteċipa l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna, fil-Parroċċa ta’ Santa Marija f’Birkirkara fejn se jipparteċipa l-Pro-Vigarju Ġenerali Mons Anton Gouder, fil-Parroċċa San Franġisk tal-Qawra fejn se jipparteċipa id-Delegat tal-Arċisqof Fr Charles Tabone u fil-Kappella tas-Seminarju fir-Rabat fejn l-animazzjoni se titmexxa mis-Seminaristi.

F’Għawdex, l-Isqof Mario Grech se jmexxi Quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu u hawn ukoll, wara se jkun hemm ħin għall-Qrar. L-animazzjoni se titmexxa mis-Seminarju ta’ Għawdex. F’din il-ġurnata, l-Isqfijiet iħeġġu lill-Insara biex jipparteċipaw f’din il-Festa ta’ Maħfra biex dawk li jħossuhom imbegħdin jersqu lejn Alla.