Hekk kif komplew joħorġu aħbarijiet konfliġġenti dwar il-futur tal-Ewropa, l-investituri għażlu li jkomplu jixtru bonds u ishma ta’ kumpaniji Ewropej, iżda fl-istess waqt il-munita ewro tilfet kontra bosta muniti oħra. L-akbar daqqa għall-ewro kienet kontra d-Dollaru Awstraljan, li fl-aħħar ġimgħa ssaħħaħ u jinsab fil-livelli li kien f’Novembru li għadda.
Filwaqt li smajna li l-Greċja ma għandhiex bżonn bailout ieħor, kien hemm l-aħbar li Spanja qegħda f’riskju ta’ diflazzjoni. Dan ifisser li minflok il-prezzijiet jogħlew, dawn jonqsu. Bosta ekonomisti jgħidu li dan mhux tajjeb għall-ekonomija għax ifisser li l-ekonomija mhux qed tikber u n-nies mhux tonfoq.
Huma bosta l-pajjiżi fl-Ewropa fejn l-inflazzjoni hi baxxa ferm u saħansitra hemm diflazzjoni, bħal kif qed jiġri f’Ċipru. Dan jista’ jwassal biex il-Bank Ċentrali Ewropew jintervjeni ħalli għal darb’oħra jnaqqas ir-rata ta’ mgħax. Dan isir fi sforz biex in-nies ma tħallix flus reqdin fil-banek u tonfoq il-flus, bi skop li tiġġenera aktar ekonomija.
Dak li ġara fl-aħħar ġimgħat fl-Ukraina wassal biex il-prezz taċ-ċereali kompla jogħla u dan jista’ jwassal għal aktar problemi f’ċerti pajjiżi Ewropej.
Matul din il-ġimgħa, il-kumpanija King Digital Entertainment, li hi magħrufa għal-logħba Candy Crush, ħarġet ishma għall-bejgħ. Il-valur tagħhom niżel bi kważi 15% fl-ewwel jumejn ta’ negozju. Dan il-fenomenu seħħ ukoll meta Facebook u Twitter kienu ħarġu ishma għal bejgħ.
Bosta bonds żammew il-prezzijiet għolja u ilhom issa fihom għal diversi xhur. Ħafna nvestituri qed jibqgħu jinvestu f’bonds milli f’ishma. Madankollu, l-ishma ta’ bosta kumpaniji Ewropej żiedu fil-valur, hekk kif iċ-Ċina ħabbret li hemm il-ħsieb li tonfoq aktar biex issaħħaħ l-infrastruttura tagħha.
Fl-aħħar ġimgħat rajna wkoll fenomenu ġdid, jiġifieri li kumpaniji Ċiniżi tħallew ifallu mingħajr ma kien hemm intervent tal-Gvern biex isalvaw permezz ta’ għajnuna finanzjarja. Dawn l-aħbarijiet xorta waħda għadhom ma waslux biex jerġa’ jintlaħaq ir-ritmu tajjeb li rajna fis-sena li għaddiet.
Din ir-rokna hi miġjuba lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, tel: 21493250.
//= $special ?>