Il-Kummissjoni Elettorali għandha ġimagħtejn biex tivverifika l-firem u wara tieħu l-firem quddiem il-Qorti Kostituzzjonali
Fl-istess ġurnata tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla l-poplu Malti u Għawdxi jista’ jkun mitlub joħroġ jivvota mhux biss biex jagħżel il-Kunsillieri Lokali, iżda anke biex jiddeċiedi jekk iridx li titneħħa l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Dan hekk kif il-Kummissjoni Elettorali issa għandha uffiċjalment quddiemha 44,376 firma f’petizzjoni li nġabret biex jissejjaħ referendum abrogatti, li se jkun l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta, biex il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta titneħħa. Minn dawn, 40,351 huma ta’ persuni li isimhom jidher fir-reġistru elettorali.
Din il-petizzjoni, li lbieraħ ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni Elettorali, saret fuq inizjattiva tal-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa, magħmula minn numru ta’ għaqdiet lokali li jaħdmu favur l-ambjent.
Il-proċess beda f’nofs is-sajf tas-sena li għaddiet, u f’anqas minn tmien xhur, il-koalizzjoni rnexxielha tiġbor aktar minn 44,000 firma, li jfisser 11,000 aktar minn kemm titlob il-liġi, biex isir referendum abrogattiv, trid issir petizzjoni ta’ 10% tal-elettorat Malti, jiġifieri 33,418 firma.
Fi kliem Carmel Cacopardi, f’isem l-Alternattiva Demokratika, li hi waħda mill-għaqdiet fil-koalizzjoni, ħadd ma stenna li l-firem se jinġabru bi proċess daqshekk mgħaġġel, għalkemm, fi kliemu, każi differenti, bħal qtil tal-ajkli, għenu biex jikber l-għarfien dwar għaliex hu importanti li ma jkunx hawn kaċċa fir-rebbiegħa.
Skont il-liġi, il-Kummissjoni Elettorali għandha ġimagħtejn biex tivverifika l-firem, u minn hemmhekk, il-Kummissjoni tieħu l-firem quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Il-proċess li jkun imiss, imbagħad, jieħu tliet xhur, li matulu jkun ippubblikat avviż u jkunu jistgħu jitressqu l-oġġezzjonijiet.
Wara, imbagħad, tkun il-Qorti Kostituzzjonali li tieħu deċiżjoni jekk l-oġġezzjonijiet ikunux validi jew le. Ir-referendum ikun irid isir sa mhux anqas minn tliet xhur wara, iżda mhux aktar minn sitt xhur wara.
Għalhekk, fi kliem Carmel Cacopardo, l-għan hu li r-referendum isir mal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali s-sena d-dieħla.
Il-koalizzjoni hi ffurmata minn 11-il għaqda differenti li ngħaqdu flimkien biex tiġi abolita il-kaċċa fl-istaġun tar-Rebbiegħa f’Malta. Dawn l-għaqdiet huma l-Alternattiva Demokratika, Birdlife Malta, Coalition for Animal Rights, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Gaia Foundation, Moviment Graffiti, Greenhouse Malta, Nature Trust Malta u r-Ramblers Association.
//= $special ?>