F’ċena mogħtija mill-Prim Ministru lbieraħ filgħaxija f’Kastilja, fi tmiem il-mandat tiegħu, il-President ta’ Malta George Abela ddeskriva bħala “bla preċedent” dak li għamel l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi meta ħames snin ilu nnominah għal din il-kariga. Fil-preżenza ta’ Lawrence Gonzi nnifsu, minbarra tal-Prim Ministru Muscat u tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, George Abela spjega kif dak iż-żmien id-deċiżjoni tal-eks Prim Ministru Nazzjonalista li jinnomina lil xi ħadd mill-kamp politiku oppost kienet intlaqgħet b’xetticizmu għax kienet tmur kontra l-prassi politika tal-passat.
Fid-diskors, George Abela awgura li llum, ħames snin wara, ikun ġudikat dwar il-ħidma li wettaq tul it-terminu tiegħu. Waqt iċ-ċena ad unur tiegħu, il-President Abela reġa’ għamel l-aħħar appell tiegħu biex isiru riformi Kostituzzjonali li jżidu l-awtonomija tal-President tar-Repubblika. George Abela qal li hu mbotta biex isiru dawn ir-riformi, filwaqt li esprima t-tama li dawn jitwettqu mis-suċċessuri tiegħu. L-Uffiċċju tal-President għandu jkun kompletament awtonomu, iżda fl-istess ħin iżomm il-kuntatt il-ħin kollu mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, sostna Abela.
George Abela, li l-Ġimgħa li ġej Marie Louise Coleiro Preca se tinħatar bħala s-suċċessur tiegħu, qal li hu fiduċjuż li min ġej warajh jibqa’ jgħin lin-nies fiż-żminijiet diffiċli ta’ ħajjithom. Hu stqarr li r-ruħ soċjali ta’ Coleiro Preca għandha ġġib nifs ġdid fil-Presidenza u tkompli tispira l-għaqda nazzjonali.
Fid-diskorsi tagħhom bi tweġiba, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni faħħru lil George Abela għax-xogħol imprezzabbli li għamel, speċjalment fil-qasam filantropiku u talli għaqqad lill-pajjiż u rnexxielu jibqa’ ‘l fuq mill-partiġġjaniżmu. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru wkoll faħħar id-deċiżjoni tal-predeċessur tiegħu li jinnomina lil George Abela għal President. Qal li llum il-maġġoranza assoluta tan-nies hi kburija bil-ħidma ta’ George Abela u dan juri li kienet għażla tajba.
Fi tmiem l-attività, l-eks Prim Ministru u s-Sinjura Gonzi ppreżentaw rigal lil George Abela wara li ġew mistiedna jagħmlu dan bħala rikonoxximent lil dak li kien il-Prim Ministru li nnomina lil George Abela għall-Presidenza. L-għotja, platt tal-fidda bl-istemma nazzjonali, jissimbolizza l-għaqda nazzjonali li rrappreżenta l-President Abela.
//= $special ?>

