L-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ppreżenta lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil l-ewwel pubblikazzjoni li qatt saret mis-Sedja dwar ir-Rulings li ngħataw fl-ewwel sena tal-leġislatura.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil faħħar din l-inizjattiva għax b’hekk, id-deċiżjonijiet tas-Sedja ġew miġbura f’katalgu. Hu qal li l-Oppożizzjoni taqbel li l-Parlament jingħata iżjed awtonomija, filwaqt li żied li l-Eżekuttiv, il-Leġislattiv u l-Ġudikatura jkunu separati minn xulxin. Fost l-oħrajn, Simon Busuttil tkellem dwar ir-rwol tal-Kumitati Permanenti u Magħżula, fosthom dak dwar l-Istandards u l-Imġieba Pubblika. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jittama li x-xogħol f’dan il-Kumitat jissokta u li f’qasir żmien jitwaqqaf l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards.
Fisser ukoll kif l-Oppożizzjoni pproponiet 20 minn 24 Abbozzi ta’ Liġijiet u fakkar li l-Oppożizzjoni trid iżżomm lill-Gvern taħt skrutinju u ssaħħaħ il-kunsens. Simon Busuttil żied li l-Oppożizzjoni se tivvota favur il-President il-ġdid tar-Repubblika, li ġej mill-kamp politiku oppost.
F’kelmtejn, l-iSpeaker qal li l-Parlament għandu ħafna sfidi quddiemu, fosthom li jikseb iżjed awtonomija u ndipendenza mill-Eżekuttiv. Hu rringrazzja lill-Oppożizzjoni tax-xogħol leġislattiv li sar minnha, filwaqt li żied li l-iskop ta’ din il-pubblikazzjoni hi li tintuża’ bħala referenza dwar ix-xogħol parlamentari li qed isir.
//= $special ?>

