Lokali Saħħa

Filmat: L-Isptar San Luqa se jerġa’ jibda jintuża’ – qed jiġu trasferiti sodod biex jilqgħu l-pazjenti fuqhom

L-Isptar San Luqa, li sa seba’ snin ilu kien l-isptar ġenerali ta’ Malta, ta’ bla ħsieb se jerga’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pazjenti. Dan hekk kif il-Gvern ikkonferma l-istorja li żvela MaltaRightNow.com aktar kmieni din il-ġimgħa, li biex isolvi l-kriżi ta’ ffullar f’Mater Dei se jittrasferixxi pazjenti lejn sptarijiet oħrajn, fosthom San Luqa.

Fl-aħħar sigħat, jidher li diġà bdew jiġu trasferiti sodod mill-Isptar St Philip’s lejn Tal-Pietà biex fl-isptar l-antik ikunu jistghu jerġgħu jinfetħu żewġ swali ħalli jilqgħu lill-pazjenti bi problemi akuti. Dan wara li fl-aħħar jiem, is-sitwazzjoni f’Mater Dei laħqet livelli ta’ kriżi, hekk kif issa anke l-kurituri jinsabu ppakkjati bis-sodod.

Jumejn ilu, MaltaRightNow.com zvela kif il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod issa ħarbet għal kollox minn taħt il-kontroll tal-Gvern Laburista. Għalhekk, il-Ministru tas-Saħħa beda jikkunsidra bis-serjetà li jibgħat pazjenti lejn postijiet oħrajn, tant li issa din jidher li saret realtà. Informazzjoni li għandna tgħid li l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ma ġietx konsultata dwar dan, hekk kif infermieri kienu esprimew magħna t-tħassib tagħhom li l-postijiet alternattivi li għażel il-Gvern mhumiex attrezzati u allura dan il-pass se jkun ta’ detriment għall-pazjenti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, MaltaRightNow.com staqsa dwar dan lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Claudio Grech.

[headlines headline=”h3″]Il-Gvern jikkonferma[/headlines]

Fi stqarrija l-Ministeru tas-Saħħa kkonferma li pazjenti fuq kura long term se jintbagħtu fl-Isptar San Luqa. Il-Ministeru qal li se tinfetaħ sala temporanja bi 17-il sodda fejn hemm il-Physiotherapy u Occupational Therapy, li qabel kienet Day Care Unit.