Lokali

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Viċi Prim Ministru b’fost l-anqas persentaġġi ta’ nisa f’bordijiet

[headlines headline=”h3″]… kontra l-wegħda ta’ Joseph Muscat li jmexxi l-Gvern l-aktar femminista[/headlines]

Il-wegħda ta’ Joseph Muscat li se jmexxi l-Gvern l-aktar femminista fl-istorja ta’ Malta ma tantx qed tissarraf f’realtà meta wieħed iħares lejn l-ammont ta’ nisa maħtura fuq bordijiet pubbliċi. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Viċi Prim Ministru għandhom fost l-anqas persentaġġi ta’ nisa minn fost it-total ta’ persuni li appuntaw fuq bordijiet pubbliċi.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandu biss madwar 13% nisa mit-total maħtura fuq bordijiet, filwaqt li l-Viċi Prim Ministru u l-Ministeru tiegħu responsabbli li jwettaq il-wegħdi fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista ħatar biss żewġ nisa minn total ta’ 26. Għall-kuntarju ta’ dak li kien iseħħ fi żmien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, meta kienet policy li minimu ta’ 40% tal-persuni maħtura fuq bordijiet pubbliċi jkunu nisa.

Minn sensiela ta’ Mistoqsijiet Parlamentari li saru mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, ikompli joħroġ kemm huma biss ftit in-nisa li kull Ministeru ħatar fil-bordijiet li jaqgħu taħtu. Il-Ministeru tal-Ambjent, il-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli, immexxi minn Leo Brincat, ħatar biss 19-il mara minn fost 79 persuna maħtura fuq bordijiet pubbliċi, jiġifieri 24% biss. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xoghol, immexxi minn Evarist Bartolo, ħatar 86 mara minn fost 302 persuni, jiġifieri 29% biss.

Il-Ministeru tas-Saħħa, immexxi minn Godfrey Farrugia, ħatar 69 mara minn total ta’ 182 persuna, jiġifieri 38% biss. Il-Ministeru bl-aktar ammont ta’ nisa maħtura f’bordijiet hu l-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, immexxi minn Marie Louise Coleiro Preca, b’84 mara maħtura f’bordijiet minn total ta’ 182 persuna. Dan ifisser 46%.

Il-Ministeru bit-tieni l-akbar persentaġġ ta’ nisa maħtura fuq bordijiet hu l-Ministeru għal Għawdex, fejn minn 73 persuna maħtura fuq bord, kien hemm 29 li huma nisa. Bil-ħatriet tiegħu, għalhekk, dan il-Ministeru mmexxi minn Anton Refalo għandu kważi 40% tal-persuni fuq bordijiet li huma nisa. Imbgħad isegwi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, immexxi minn George Vella, li hatar 44 mara minn fost 119-il persuna maħtura fuq bordijiet pubbliċi, jiġifieri persentagg ta’ 37% li huma nisa.

Il-Ministru Edward Scicluna kien l-uniku wieħed li ma weġibx din il-mistoqsija u fil-Parlament qal li għadu qed jiġbor l-informazzjoni dwar kemm ħatar persuni f’bordijiet pubbliċi u kemm minnhom kienu nisa.