MEMORIAM hu Kunċert ta’ Marċi Funebri li ser ikun qiegħed jittella’ nhar il-Ġimgħa 4 t’April 2014 fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu` (ta’ Ġieżu) fir-Rabat. Dan il-Kunċert qiegħed ikun organizzat minn grupp ta’ bandisti voluntiera li ġejjin minn diversi każini tal-baned differenti. L-għan ta’ dan il-Kunċert hu li nużaw it-talenti tal-bandisti Maltin, flimkien mad-dilettantiżmu ġenerali Malti għall-Marċi Funebri għall-għan nobbli li ngħinu entita` filantropika.
Fil-fatt, wara li l-ewwel edizzjoni tas-sena l-oħra, bl-isem ta’ ‘Tifkira’, ġiet organizzata bil-għan li tiġbor fondi għad-Dar tal-Providenza, din is-sena ġie deċiż li l-Fondi jinġabru għall-Multiple Sclerosis Society. Din l-NGO taħdem biex tgħin persuni li jsofru mill-kundizzjoni tal-Multiple Sclerosis, kundizzjoni li tattakka is-sistema nervuża, u li tista’ taffettwa iktar minn parti waħda tal-moħħ jew l-ispina. Sfortunatament, din il-kundizzjoni għadha m’hiex kurabbli s’issa u agħar minn hekk, kulħadd jista’ jsofri minnha.
Għaldaqstant, it-tim organizzativ ta’ MEMORIAM qed jagħmel dan il-Kunċert biex jgħin lil din l-għaqda żgħira takkwista ftit fondi biex tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha, u toffri s-sapport meħtieġ lill-membri tagħha li qed isofru minn din il-kundizzjoni.
L-għażla mużikali għal dan il-kunċert ser tkun tikkonsisti f Marċi Funebri minn kompożituri Maltin ħajjin, Marċi Funebri minn kompożituri Maltin mejtin u Marċi Funebri minn kompożituri barranin. Flimkien ml-banda, li ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Lesley Tabone, ser jiħu sehem ukoll il-Kor tat-tfal ta’ Romina Vella.
MEMORIAM m’huwiex biss Programm Mużikali Funebru, imma huwa wkoll opportunita` li bit-talent tal-bandisti, li tgħallmuh mill-każini, jiġi mgħejjun ħaddieħor li jinsab fil-bżonn. Barra minn hekk, saret ukoll inizjattiva biex is-Sibt 8 ta’ Marzu, grupp ta’ bandisti, familjari u ħbieb marru jagħtu d-demm flimkien.
Għalhekk, it-Team ta’ MEMORIAM ġentilment qiegħed jistieden lil kulħadd biex jattendi għal dan il-programm u flimkien tkun saret xi ħaġa sabiħa, Ġabra żgħira ta’ Fondi sabiex tingħata għajnuna lil din l-Għaqda tant fil-bżonn.
MEMORIAM – Il-Kunċert Funebri b’Għan Nobbli. Nhar il-Ġimgħa 4 t’April 2014 fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu` (ta’ Ġieżu) fir-Rabat mit-8 p.m. ‘l quddiem. Għal iktar informazzjoni nħeġġuk iżżur il-Facebook Page ta’ MEMORIAM facebook.com/memoriam.team
//= $special ?>