Lokali Saħħa

Nuqqas ta’ stabbiltà fil-qasam tas-saħħa – Claudio Grech

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Claudio Grech qal li l-ewwel sena tal-Gvern Laburista fil-qasam tas-saħħa ma laħqitx l-aspettattivi tan-nies u lanqas twettqu l-wegħdi ta’ qabel l-elezzjoni. Hu qal li fil-qasam tas-saħħa hemm nuqqas ta’ stabbiltà u serenità u kien hemm kriżi wara l-oħra fl-aspetti l-aktar importanti.

Fost in-nuqqasijiet, Claudio Grech semma’ t-tneħħija tas-settur tal-anzjani mill-Ministeru tas-Saħħa u l-inċertezza maħluqa mir-reshuffle li ilha tissemma’ ġimgħat sħaħ. Kien hemm ukoll tnaqqis fis-sehem tas-settur privat u tnaqqis ta’ 60% fl-investiment kapitali fil-kura primarja. Grech irrefera wkoll għall-kriżi tal-iffullar ta’ sodod fil-kurituri ta’ Mater Dei u qal li ma ttieħdux miżuri ġodda fil-kura fil-komunità, tal-anzjani u ta’ rijabilitazzjoni. Qal li ntilfet opportunità tad-deheb meta l-ftehim inizjali tal-Gvern Nazzjonalista biex l-Isptar St Philips jintuża’ għal rijabilitazzjoni twaqqaf mill-Gvern Laburista.

Matul din is-sena, il-Gvern kellu konflitt kontinwu mal-unions fil-qasam tas-saħħa, b’mod partikulari mal-MUMN. Il-mediċini out of stock żdiedu b’detriment għall-pazjenti, filwaqt li s-sistema l-ħdida tal-IT li daħħal il-Gvern fiha bosta nuqqasijiet. Claudio Grech qal li saru xi passi pożittivi, fosthom li l-Liġi tal-IVF li daħħal il-Gvern Nazzjonalista bdiet titwettaq, iż-żieda fl-allokazzjoni tal-Baġit, il-ħidma biex jinfetħu aktar wards f’Mater Dei u x-xogħol fuq l-istrateġiji tad-dimensja u l-obeżità. Tlesta wkoll ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat u, fuq proposta tal-Oppożizzjoni, twaqqaf il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħa sehem ukoll il-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton, li tkellem dwar is-saħħa mentali. Hu appella biex il-Crisis Intervention Team jerġa’ jibda jiffunzjona bħalma kien qabel u biex is-servizzi għall-kura mentali jingħataw fil-komunità.

Ikkummenta