Is-Sibt 5 ta’ April fis-7 p.m. u l-Ħadd 6 ta’ April fil-5 p.m. fl-Istitut Kattoliku, il-kumpanija Teatru Rjal tagħti ġieħ u tislima lil Lino Grech billi tippreżenta l-aħħar kummiedja divertenti għall-aħħar li hu kiteb għall-palk Malti, Friefet u Barrin.
Lino kien strumentali ħafna fit-tisħiħ tax-xogħlijiet teatrali u televiżivi f’pajjizna. Hu interpreta partijiet prinċipali bħala attur f’diversi produzzjonijiet miktuba minnu kif ukoll minn awturi oħra, u għadu jissemma sal-lum għall-kapulavur tiegħu F’Baħar Wieħed li 37 sena ilu kien seraq l-immaġinazzjoni ta’ kulħadd meta sar fuq Xandir Malta u aktar reċenti fuq Net Television ukoll. Oriġinarjament F’Baħar Wieħed kien inkiteb għar-Rediffusion.
Xogħlijiet oħra popolari għat-televiżjoni jinkludu Ipokriti, Simpatiċi, Il-Familja Grech, Issa Naraw u Ingroppi. Il-kitba kollha ta’ Lino Grech fiha sens ta’ tagħlim soċjali ispirat mill-ogħla valuri umani u kristjani li hu kien iħaddan.
Lino ma għadux magħna fiżikament, imma se mfakkar għal dejjem bil-wirt letterarju u teatrali kbir li ħalla warajh. Hu proprju dan li qed tagħmel il-kumpanija Teatru Rjal bil-preżentazzjoni ta’ din il-kummiedja tiegħu.
Il-kummiedja FRIEFET U BARRIN hija bażata fuq karattri li mad-daqqa t’għajn jidhru normali imma kollha kemm huma għandhom l-eċċentriċità ħelwa tagħhom. Għandna l-missier li huwa frustrat sesswalment għax il-mara tiegħu qegħda f’għaqda ffissata li l-popolazzjoni tad-dinja qed tisplodi, għalhekk tastjeni mis-sess u traqqdu fl-ispare bedroom. Dawn għandhom żewġ subien. Il-kbir iffissat fuq il-pjanti u n-nisa, il-ħin kollu jmesmes ’l hemm u ’l hawn, Imbagħad hemm iż-żgħir li suppost qed jistudja għal tabib imma nerd wisq u kontra ħuh ma jafhomx l-affarijiet tal-ħajja u n-natura.
Niltaqgħu ma’ familja li jkunu ħa jmorru btala propju meta missier ir-raġel, bniedem pupletku u moħħu fil-friefet u l-barrin kemm tan-natura kif ukoll tal-laħam, ikun ġej iżurhom u miegħu tkun ġejja wkoll il-mara li reġa’ żżewweġ. L-inkwiet tagħhom kien biss li dan kien se jħalli l-wirt kollu lilha. L-uniku wieħed li jibqa’ d-dar magħhom huwa propju t-tifel iż-żgħir…. u jkollu struzzjonijiet biex jagħmel minn kollox biex iżomm in-nannu kuntent… iżda ma kienx jaf x’ġej għalih.
Iżda mal-wasla tan-nannu u dik li qegħda miegħu l-affarijiet jinqalbu ta’ taħt fuq. Min hi propja l-mara l-ġdida tan-nannu? X’effett ħa tħalli fuq kull raġel li hemm fid-dar?? Minn hawn ’il quddiem is-sorpriżi ma jiqfux…. waħda wara l-oħra li l-udjenza ma tkunx qed tistenna. F’din il-kummiedja, Lino Grech joħroġ avventuruż f’kull sens, aktar minn kummiedji oħra tiegħu. Jekk mhux l-aqwa, din hija żgur fost l-aħjar kitbiet tiegħu. Mhux ta’ min jitlifha. Insellmulu bil-preżenza tagħna.
Friefet u Barrin hi kummiedja ħelwa ħafna li tfakkar b’mod dinjituż il-memorja ta’ Lino Grech. Jieħdu sehem f’din il-kummiedja wħud mill-aqwa atturi li għandna f’Malta: Peter Borg, Simon Curmi, Frida Cauchi, Marilyn Custo, Rachel Micallef, Kurt Castillo, Kevin Spiteri u Brian Farrugia. Id-direzzjoni hi f’idejn Ray Abdilla.
Il-booking għal dawn iż-żewġ produzzjonijiet jinsab miftuħ mill-booking office u bar tal-Istitut Kattoliku, Carmen Azzoppardi, Tereza Bazaar u Pawlu Testa Travel (21223340 /99476468). Wieħed jista’ jibbukkja wkoll online billi jidħol fis-sit www.kumpanijateatrurjal.com
//= $special ?>