Lokali

Żewġ eks Presidenti ta’ Malta jaqblu ma’ George Abela għax ”il-prinċipji mhumiex għall-bejgħ”

Fl-aħħar sigħat kompla d-dibattitu nazzjonali dwar id-deċiżjoni li jidher li ħa George Abela fuq bażi morali, li ma jiffirmax l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Unjoni Ċivili. L-Abbozz għad irid jgħaddi mill-aħħar stadji tiegħu u mbaghad ikun iffirmat mill-President.

F’reazzjoni mal-ġurnal The Times of Malta, iż-żewġ eks Presidenti ta’ Malta Ugo Mifsud Bonnici u Eddie Fenech Adami iddikjaraw li kienu jagħmlu l-istess għax il-prinċipji mhumiex għall-bejgħ. Huma sostnew li George Abela m’għandux jiffirma l-Liġi jekk tmur kontra l-kuxjenza tiegħu. Illum ukoll, il-ġurnal The Malta Independent qal li din il-kwistjoni ddominat kważi l-laqgħa kollha li l-President Abela kellu mal-Papa Franġisku fil-Vatikan il-ġimgħa li għaddiet.

Sadanittant, anke l-ġurnal Taljan Avvenire rrapporta dwar din is-sitwazzjoni. F’artiklu bit-titlu “Unioni Civili, a Malta legge bloccata” qal li l-Gvern Malti ta’ Muscat kien kostrett jipposponi l-approvazzjoni finali tal-Liġi sa ma jintemm il-mandat tal-President attwali, li qed jirrifjuta li jiffirmaha.

L-artiklu jispjega li l-Liġi tpoġġi fuq l-istess livell iż-żwieġ ta’ persuni gay u dak bejn raġel u mara, anke fejn jidħlu adozzjonijiet.