Qorti

Żewġ kaċċaturi oħra jitressqu l-Qorti akkużati li qatlu tajr protett

Żewġ kaċċaturi oħra tressqu l-Qorti, quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, akkużati li qatlu tajr protett. L-Erbgħa li għadda tressqu żewġ kaċċaturi oħra akkużati b’kaċċa llegali fuq tajr protett. Dominic Borg ta’ 24 sena u George Gatt ta’ 21 sena, it-tnejn mill-Mosta, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Huma ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest u qed jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Borg u Gatt qed ikunu akkużati b’kaċċa llegali jumejn ilu f’San Pawl il-Baħar. Gatt waħdu qed jiffaċċa 12-il akkuża quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona. Dawn jinkludu kaċċa llegali u pusses illegali ta’ Fra-Servjent (Black Winged Stilt), li hu speċi protett, li kellu arma kkargata u li spara din l-arma f’distanza ta’ 200 metru mill-abitat, li kkaċċja waqt staġun magħluq, li kellu arma bla liċenzja u li bagħbas fin-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza tiegħu. Domenic Borg kien mixli b’pusses illegali ta’ Fra-Servjent u li nstiga u ħeġġeġ persuna oħra jagħmel kaċċa llegali u li sar reċidiv.

Nhar l-Erbgħa li għadda, Joseph Camilleri ta’ 55 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000 wara li wieġeb mhux ħati li flimkien ma’ Lee Grima, ta’ 24 sena minn Ħaż-Żebbuġ ukoll, ikkommetta kaċċa llegali fuq erba’ Fra-Servjenti. Grima kien ammetta l-akkużi u ġie kkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultat €1,000, kellu l-arma tan-nar konfiskata u l-liċenzja tal-kaċċa sospiża għal sentejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella, filwaqt li għal Borg u Gatt deher l-avukat Edward Gatt.