L-imprenditur Belti Charles Camilleri ngħata l-Premju Ġieħ il-Belt Valletta, f’ċerimonja li saret bħala parti minn programm t’attivitajiet fl-okkażjoni ta’ Jum il-Fondazzjoni tal-Belt Valletta.
Charles Camilleri ġie deskritt bħala imprenditur Belti li għamel ġid mal-komunità Beltija, u f’diskors qasir, Charles Camilleri ddedika l-unur lis-Sorijijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursola tal-Belt Valletta.
Il-Premju Ġieħ il-Belt Valletta kien parti minn programm għall-okkażjoni ta’ Jum il-Fondazzjoni tal-Belt Valletta, li nkluda wkoll żjara mill-President ta’ Malta, George Abela fil-Belt Valletta u quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.
Apparti Ġieħ il-Belt Valletta ngħataw numru ta’ premijiet oħra lill-persuni li taw kontribut fil-Belt Kapitali ta’ pajjiżna, fosthom Tonio Mallia Milanes, Mario Tong, Ray Francalanza, Martin Schembri, Alexandra Mamo, il-familja tal-eks Spettur Stephen Saliba u Jade Cini. Filwaqt li lill-eks Kap tal-Iskola ta’ Sant Jiermu Raymond Cassar ingħata l-unur ta’ ċittadin onorarju tal-Belt Valletta.
Waqt l-attività tal-għotja tal-premijiet, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ngħata pittura tal-artist Belti, il-mibki Joseph Anthony Caruana.
Għaż-ċerimonja attenda s-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera, is-Sindku Alexei Dingli u numru ta’ Kunsilliera.
//= $special ?>
