Lokali

Għadd ta’ studenti mhux qed jinġabru minn wara l-bieb tal-iskola

[youtube width=”600px” height=”400px”]6JqeqUd9TR8[/youtube]

Kwistjoni ġdida li nqalgħet fi Transport Malta qed twassal biex għadd ta’ studenti mhux qed jieħdu servizz xieraq fit-trasport tal-iskejjel.

Il-kwistjoni oriġinat f’Settembru li għadda meta Transport Malta bdiet tikri minibuses u coaches biex jipprovdu s-servizz wara li telqet l-Arriva.

Iżda meta l-Gvern beda jmexxi t-trasport pubbliku u ġedded il-kuntratt ta’ dawn il-minibuses jidher li l-minibuses bdew jiġu mibdula f’coaches low floor. Kif spjegat persuna li kkuntattjat lil maltarightnow.com.

Il-persuna li tkellmet ma’ maltarightnow.com spjegat li x-xufiera kienu jużaw il-minibuses għall-ġarr tat-tfal tal-iskola u biex jaħdmu ma’ Transport Malta. Imma issa l-bidla minn minibuses għal coaches kellha implikazzjonijiet fuq il-ġarr tat-tfal tal-iskola minħabba li jidher li l-istudenti issa ma jistgħux jiġu miġbura minn wara l-bieb kif kien jiġri meta s-sewwieqa kienu jużaw il-minibuses.

Il-persuna li tkellmet magħna staqsiet jekk il-Ministru tal-Edukazzjoni hu konxju ta’ dak li qed jiġri fil-qasam tat-trasport tat-tfal tal-iskejjel.

Diversi persuni li tkellmu ma’ maltarightnow.com qalulna li dan kollu qed iseħħ quddiem għajnejn l-awtoritajiet – li huma konxji li t-tfal tal-iskola spiċċaw il-vittmi f’din il-kwistjoni, għax issa qed ikollhom imorru jistennew it-trasport fiċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula.