Lokali

Iffirmat ftehim għal Child Care b’xejn

Il-Gvern iffirma l-ftehim uffiċjali ma’ numru ta’ entitajiet bil-għan li tkun tista’ tidħol fis-seħħ l-inizjattiva ta’ child care centres b’xejn għall-ġenituri li jaħdmu. L-iffirmar tal-ftehim sar mill-Ministru Evarist Bartolo u l-Ministru Edward Scicluna.

F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li minn April ta’ din is-sena, mal-elf u tmien mitt omm huma mistennija li jibdew jibbenefikaw minn dan is-servizz. It-tfal mistennija li jibdew iqattgħu medja ta’ erba’ siegħat aktar ta’ childcare milli qed jagħmlu bħalissa. Il-ftehim se jfisser ukoll żieda fil-qliegħ ta’ min jipprovdi servizz ta’ child care b’madwar miljun ewro.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Gvern qed iħares lejn servizz ta’ child care b’xejn bħala soluzzjoni għar-rata baxxa ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol. Min-naħa tiegħu l-Ministru Evarist Bartolo qal li madanakollu, il-ġenituri m’għandhomx jaraw iċ-child care centres bħala post fejn jistgħu ‘jipparkjaw’ lit-tfal tagħhom waqt l-aktar żmien sensittiv fl-iżvilupp ta’ ħajjithom.