Skont il-Partit Nazzjonalista, l-aħbar ta’ żewġ riżenji mill-Kabinett fi ftit siegħat tkompli toħroġ fil-beraħ kwalitajiet koroh fl-istil ta’ tmexxija ta’ Joseph Muscat.
Il-Partit Nazzjonalista qal li, issa anke dawk l-aktar qrib ta’ Muscat qed jammettu u jagħtu l-prova li Joseph Muscat l-ewwel jużak imbagħad jarmik. Hekk għamel Muscat ma’ Godfrey Farrugia u anke’ ma’ Franco Mercieca, l-istess bħalma għamel mar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta bid-deċiżjoni li jankra tanker mimli gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk kompla l-Partit Nazzjonalista.
Skont il-Partit Nazzjonalista, mhux biss Muscat għamel l-ostakli kollha imaġinabbli biex Godfrey Farrugia ma jkunx jista’ jwettaq ir-responsabbilitajiet tiegħu bħala Ministru għas-Saħħa, iżda ħeba għal diversi ġimgħat ir-riżenja ta’ Franco Mercieca mill-Kabinett u mill-poplu Malti u Għawdxi.
“Prim Ministru li jaħbi lill-poplu riżenja ta’ membru tal-Kabinett huwa Prim Ministru li jpoġġi l-interessi politici tiegħu qabel ir-rispett li suppost ikollu lejn il-poplu li huwa jmexxi. Muscat kien wiegħed ‘l-aqwa kabinett fl-istorja ta’ Malta’. Wara biss sena fil-Gvern, din hija wegħda oħra minn sensiela li diġa’ taru mar-riħ.” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>
