Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza San Ġorġ minn uħud mill-għaqdiet ambjentali li jiffurmaw parti mill-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa, il-kelliem tal-Koalizzjoni Christian Debono qal li l-poplu Malti esprima ruhu favur referendum abrogattiv kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa għal tliet raġunijiet.
L-ewwel, sostna Debono, għax ħafna Maltin ma jħossux li l-qtil tal-għasafar li jgħaddu minn fuq pajjiżna lejn l-Ewropa hi aċċettabbli. It-tieni, kompla Debono, għaliex il-Maltin huma mbeżża’ li jmorru fil-kampanja waqt l-istaġun tar-Rebbiegħa minħabba li l-kaċċaturi okkupaw partijiet kbar mill-art pubblika u għax skont Debono minhabba l-attitudni agressiva u ta’ intimidazzjoni mill-kaċċaturi hi ta’ nkwiet għan-nies.
Finalment, il-kelliem tal-koalizzjoni qal li t-tielet raġuni hi li sezzjoni kbira minn dawk li ffirmaw il-petizzjoni jemmnu li l-affarijiet għandhom jinbidlu u li m’għandomx jibqgħu jsiru ftehim sigrieta bejn il-gvernijiet lokali u l-kaċċaturi.
Din il-konferenza saret l-għada li l-Koalizzjoni ppreżentat petizzjoni b’iktar minn 44,000 firma biex jissejjaħ referendum kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa.
Intant f’konferenza tal-aħbarijiet oħra, l-Alternattiva Demokratika tenniet l-appoġġ u l-apprezzament tagħha għall-ħidma li saret mill-Koalizzjoni Kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa.
Uffiċjali tal-Alternattiva Demokratika, fil-konferenza tal-aħbarijiet qalu li l-ħarsien tan-natura għandha titgawda minn kulħadd għax hu dritt tas-soċjetà. Huma appellaw biex l-għaqdiet li jiffurmaw parti mill-koalizzjoni favur l-ambjent għandhom jibqgħu jikkoperaw fuq affarijiet oħra marbuta mal-ambjent.
//= $special ?>