Id-dikjarazzjoni tal-eks Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjon laburista Super One u kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli li qatt ma kienet kontra l-Unjoni Ewropea u s-sħubija ta’ Malta issorprendiet lil ħafna li qraw jew raw dan il-kumment.
F’intervista mal-Malta Independent Miriam Dalli iddikjarat li qatt ma kienet kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u li kienet biss qed tagħmel xogħolha ta’ ġurnalista – inzerta mal-istazzjon ta’ partit li kien kontra li Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea.
Għalkemm id-dikjarazzjoni ta’ Miriam Dalli kienet waħda sorprendenti, ċertament ma kienitx l-ewwel waħda li għamlet u-turn dwar l-Unjoni Ewropea. Ewlenin fosthom l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant u s-suċċessur tiegħu Joseph Muscat, li bħal Dalli, kien wieħed mill-ġurnalisti ewlenin fil-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon Laburista.
Dikjarazzjonijiet li jikkuntrastaw ma’ snin sħaħ ta’ parteċipazzjoni fil-kampanja tal-Partit Laburista kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Bħal Joseph Muscat, li kellu programm iffukat esklussivament biex jiġġieled is-sħubija fl-Unjoni Ewropea bl-isem Made in Brussels, Miriam Dalli kienet tmexxi programmi fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, fosthom TEAM, TRIP u iktar riċenti, TX.
Żgur li mill-kandidati kollha laburisti, pero’, l-aktar li jispikka hu Alfred Sant li issa jrid li l-poplu Malti jeleġġieh fil-Parlament Ewropew wara li mexxa l-kampanja laburista kontra l-Ewropa.
Kulħadd jiftakar kif qabel ir-Referendum kien appella lill-Maltin biex juru li ma jaqblux billi jastjenu u joqgħodu d-dar, jew jivvutaw kontra. U wara, ħareġ juri d-dokument tal-vot tiegħu biex jagħti prova li hu ma vvutax imma agħar minn hekk, ma’ dawk li vvutaw kontra, kien żied lil dawk li ma vvutawx, u anke lill-mejtin biex ħareġ jiddikjara li kien rebaħ il-Partnership.
//= $special ?>
