Suċċess ieħor għal kantanta ċkejkna Maltija li pparteċipat f’festival barra minn pajjiżna ftit tal-jiem ilu. Anhelica Pace ta’ 11-il-sena ġiet l-ewwel f’waħda mill-kategoriji ta’ kantanti żgħar fil-festival magħruf bħala Little Stars. Din is-sena saret il-ħdax-il-edizzjoni ta’ dan il-festival f’San Pietruburgu fir-Russja.
Pace rebħet il-kategorija ta’ kantanti li għandhom bejn disa’ u ħdax-il sena. F’din il-kategorija kien hemm 24 kantant jew kantanta minn pajjiżi differenti.
Anhelica Pace kisbet 261 punt, fit-tieni post ġiet il-kantanta tas-Serbja b’251 vot u fit-tielet post segwa l-kantant mir-Russja b’249 vot.
Il-konkors kien mifrux fuq tlett ijiem. Fl-ewwel serata Pace kantat il-kanzunetta Je T’aime miktuba minn Christopher Azzopardi filwaqt li fit-tieni u t-tielet serata kantat il-kanzunetta ‘I can’t let go’ li hija cover version ta’ Jennifer Hudson.
Il-Grand Prize ta’ dan il-konkors intrebaħ minn kantanta tal-Bulgarija u Pace kienet biss punt ‘il bogħod milli tirbaħ ukoll dan il-premju.
Fil-konkors kien hemm ukoll premjijiet li ngħataw lil żewġ kategoriji oħra ta’ kantanti, wieħed għall-kantanti bejn sitta u ħdax-il sena u ieħor għall-kantanti bejn sitta u tmien snin.
Anhelica Pace ilha tistudja l-vuċi għal dawn l-aħħar ħames snin taħt id-direzzjoni tal-kantanta Priscilla Psaila magħrufa fil-qasam lokali tal-mużika bħala Kaya.
//= $special ?>

