Lokali

Tislima lil George Abela fi tmiem il-Presidenza tiegħu

L-uċuħ emozzjonati kkaraterizzaw l-attività li s-Sibt filgħodu saret fil-Palazz ta’ San Anton, fejn mijiet ta’ persuni nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lill-President ta’ Malta George Abela li fi ftit jiem se jkun qed itemm il-Presidenza tiegħu.

Fil-maġġoranza tagħhom, dawk preżenti ħadu magħhom il-ktieb ‘George Abela Qalb in-Nies’ biex jiġi ffirmat.

maltarightnow.com irnexxielu jieħu l-kummenti tal-President George Abela waqt li kien qed jiltaqa’ mal-membri tal-pubbliku, fejn irringrazzja lill-poplu Malti għas-sostenn kontinwu tiegħu.

[youtube width=”600px” height=”400px”]1F5iRqd2uZQ[/youtube]

Fuq fomm dawk preżenti, l-istess aġġettivi biex jiddeskrivu l-karattru tal-President George Abela u l-Presidenza li mexxa matul l-aħħar ħames snin:President b’karattru uman.

Anke’ għal dawn iċ-ċkejknin li wkoll raw fil-Presidenza ta’ George Abela xi ħaġa li laqtithom.

Intant il-Ġimgħa filgħaxija sar kunċert f’Dar il-Mediterran bħala parti minn programm t’attivitajiet bil-għan li tingħata tislima lejn il-ħidma tal-President. Għall-kunċert attendew l-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-kunċert sar taħt id-direzzjoni tal-Maestru Sigmund Mifsud, bis-sehem tas-Soprani Katerjana Fernech, Maria Abela Medici u l-Kor Mirabitur.

Il-ktieb, ‘George Abela Qalb in-Nies’ jinkludi kitbiet minn numru ta’ personaġġi ewlenin li b’xi mod jew ieħor ħadmu fil-qrib ma’ George Abela. Il-qliegħ minnu se jmur kollu għall-Malta Community Chest Fund.

Fil-ktieb, ippubblikat minn Kite Group, George Abela jiżvela t-triq tiegħu minn issa ‘l quddiem, fejn jgħid li se jkun qed imur lura fil-kenn ta’ daru, bil-memorji tal-Presidenza tiegħu ttimbrati f’qalbu u f’moħħu, fejn ikun jista’ jgħix ħajja aktar privata, b’ritmu anqas mgħaġġel u mdawwar bl-għeżież tiegħu.

Ikkummenta