Lokali

Titneħħa l-plakka kommemorattiva mill-Akkademja tal-Pulizija

Kull min jiffrekwenta l-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja seta’ jinnota li għal xi raġuni jew oħra, m’għadiex tidher il-plakka kommemorattiva li kienet tfakkar l-ewwel ġebla tal-Akkademja li tpoġġiet mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi fil-11 ta’ Lulju 2011. Permezz ta’ din l-ewwel ġebla, kien inbeda l-bini tal-Akkademja tal-Pulizija l-ġdida f’Ta’ Kandja.

Madanakollu, din il-plakka kommemorattiva m’għadiex tidher fil-post fejn kienet tpoġġiet tliet snin ilu.

B’rabta ma’ din l-aħbar, għamel mistoqsija parlamentari l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li staqsa lill-Ministru Manwel Mallia għar-raġuni għalfejn tneħħiet din il-plakka kommemorattiva. Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Mallia kkonferma li din tneħħiet, u qal li tneħħiet għaliex kien għaddej xi xogħol, u wiegħed li meta x-xogħol se jkun qed jitlesta, din il-plakka kienet se terġa titwaħħal f’postha.

Madanakollu, numru ta’ pulizija li jiffrekwentaw l-Akkademja b’mod regolari qalulna li l-bini tal-akkademja issa tlesta u kull ma jonqos hu li tidħol l-għamara u jsir il-ftuħ uffiċjali.

Għalhekk, il-fatt li din il-plakka kommemorattiva għadha ma twaħħlitx tqajjem dubji kbar.
maltarightnow.com hu infurmat ukoll li l-Akkademja tal-Pulizija ilha ma toffri taħriġ lill-Pulizija għal dawn l-aħħar ħdax-il xahar. F’April tas-sena li għaddiet, l-Akkademja ingħalqet bir-raġuni li ngħatat kienet li se jkun qed jitfassal kurrikulu ġdid għat-taħriġ tal-pulizija. Diversi pulizija li tkellmu ma’ maltarightnow.com esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li mhux jingħataw biżżejjed taħriġ, speċalment issa li l-binja tal-akkademja tinsab lesta.

Fl-aħħar ġimgħat, l-eks Deputat Kummissarju Joseph Cachia nħatar bħala Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija.