Għawdex Lokali Parlament

Aqbeż il-kju tal-Gozo Channel jekk tiflaħ tħallas aktar

Wara ġimgħat ta’ spekulazzjoni, issa hija kkonfermata. In-noll tal-Gozo Channel mhux se jibqa’ kif inhu. Fi tweġiba fil-Parlament għal mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru Anton Refalo kkonferma li se jiġi introdott dak li hu magħruf bħala priority boarding.

Fi ftit kliem, mhux kulħadd se jibqa’ jħallas l-istess biex jitla’ fuq il-vapur ta’ Għawdex. Imma min lest li jħallas iktar, jaqbeż il-kju.

Fi kliem il-Ministru Refalo, li f’Settembru li għadda, kien ta ordni biex vapur tal-Gozo Channel imur lura ċ-Ċirkewwa għalih, is-servizz tal-priority boarding se jkun servizz ġdid b’nollijiet differenti minn dawk normali. In-nollijiet normali se jibqgħu l-istess.

Wieħed jifhem li l-biljetti ta’ dawk bil-priority boarding ikunu jiswew aktar.

L-aħbar li kien qed isir stħarriġ dwar il-possibilita’ li jiġi ntrodott il-kunċett ta’ priority boarding kienet żvelata f’Jannar li għadda. Meta kien qed isir kwestjonarju dwar jekk il-passiġġieri jaqblux li l-prezz tal-vjagg jiżdied.

Dakinhar, iżda, l-Ministeru għal Għawdex kien ċaħad. Iżda issa jirriżulta, minn dak li qal il-Ministru stess fil-Parlament, li n-noll se jiżdied – ladarba se jidħol il-kunċett tal-priority boarding. L-istudju li sar ġie jiswa €9,500, u skont il-Ministru, sar fost numru ta’ vjaġġaturi frekwenti bejn Malta u Għawdex – fosthom ħaddiema, gradwati u studenti.

Dwar dan l-istudju, kif ukoll id-deċiżjoni li ttieħdet, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina baqa’ sieket.