Lokali

Bir-reshuffle tinkiser wegħda oħra elettorali tal-Partit Laburista

[headlines headline=”h3″] Kien qal li l-Ministeru tal-Enerġija ma jistax ikun parti minn Ministeru ikbar [/headlines]

‘Ma jistax ikun li l-qasam tant kruċjali tal-enerġija jitħalla jitwarrab jew ikun parti żgħira minn Ministeru ieħor kbir. Din se tkun parti mill-istruttura l-ġdida tal-Gvern.’

Din hija silta minn stqarrija tal-Partit Laburista maħruġa l-għada li l-Partit Laburista ħabbar il-pjan tiegħu għall-enerġija waqt il-kampanja elettorali qabel l-elezzjoni li għaddiet. Stqarrija li tixhed wegħda oħra miksura mill-Gvern Laburista l-ġdid wara li l-Ministeru tal-Enerġija issa ingħaqad mal-Ministeru tas-Saħħa taħt it-tmexxija tal-Ministru Konrad Mizzi.

Meta mistoqsi dwar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fiż-Żurrieq, il-Ministru Konrad Mizzi qal li huwa se jġib esperjenza ta’ tmexxija u viżjoni kummerċjali fil-qasam tas-saħħa u huwa kunfidenti li, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, b’organizzazzjoni tajba, kapaċi jġib rizultati tajbin f’dan il-qasam.

B’referenza għall-qasam tas-saħħa l-Ministru Konrad Mizzi qal li dan is-settur għandu numru ta’ sfidi li jridu jiġu indirizzati fosthom dik tal-mediċini out of stock u tal-pazjenti fuq l-istretchers fil-kurituri tal-isptar. Huwa saħaq li l-problemi huma kollha maniġerjali u qal li l-Gvern irid isib bilanċ bejn deċizjonijiet li jħallu impatt immedjat u soluzzjonijiet fuq medda itwal.

Il-konferenza ffukat fuq ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li se jibda minn nhar it-Tnejn. Il-Ministru Konrad Mizzi tkellem dwar il-bidliet li qed jagħmel il-Gvern Laburista fil-qasam tal-enerġija li fi kliemu juru kemm il-Gvern Laburista jpoġġi l-ambjent nadif u s-saħħa bhala prijorità għall-poplu Malti u Għawdxi.