Internazzjonali Kultura Lokali

Federica Falzon u Vincenzo Carni jirritornaw għar-rebħ

Id-duo liriku tal-program ‘Ti Lascio Una Canzone’, iffurmat mill-kantanta Maltija Federica Falzon u t-Taljan Vincenzo Carni, reġa’ ttrijonfa fil-program li sar nhar is-Sibt, trasmess fuq Rai 1.

Iż-żewġ żgħażagħ interpretaw il-kanzunetta ‘You’re My Everything’, li hi l-flip side tal-kanzunetta ‘Dont’ Let Me Be Misunderstood’, suċċess tal-grupp Santa Esmeralda fl-1977.

Anke’ jekk din il-kanzunetta mhix ta’ stil liriku, permezz tal-interpretazzjoni tagħhom, Federica u Vincenzo rnexxielhom jabbinaw il-vuċijiet tagħhom b’mod impekkabbli li bih serqu l-qlub kemm tal-ġurija, bi tliet voti minn erbgħa kif ukoll tal-voti tal-pubbliku li vvutaw permezz tat-telefonati.

Dan kien ir-raba’ suċċess għall-koppja Kalabro Maltija (Vincenzo Carni hu mill-Calabria) minn tmin programmi li saru s’issa.

Qabel il-finali tat-12 ta’ April, fadal program iehor nhar is-Sibt li ġej. Fil-finali jitkantaw il-kanzunetti kollha rebbieħa ta’ kull program. L-erba’ kanzunetti li bihom Federica u Vincenzo rebħu l-edizzjonijiet rispettivi s’issa kienu ‘Un amore cosi grande’, ‘Il mare calmo della sera’, ‘Il Mondo’ u ‘You’re my Everything’.

Il-finali, li fiha se jitkantaw il-kanzunetti kollha rebbieħa fl-edizzjonijiet li saru s’issa se ssir fit-12 ta’ April. Federica u Vincenzo se jinterpretaw waħda mill-kazunetti li wassluhom għas-suċċess f’din is-seba’ edizzjoni tal-program popolari mmexxi minn Antonella Clerici.