Lokali

[FILMAT] Mijiet iżuru r-Radar f’Ħad-Dingli

Matul il-ġurnata tal-Ħadd, kienu mijiet dawk li żaru l-Open Day tar-Radar li jinsab fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Din l-Open Day ittellgħet f’għeluq il-35 sena minn meta s-sistemi tat-traffiku tal-ajru ta’ Malta għaddew minn idejn il-Gvern Ingliż għal idejn il-Gvern Malti fl-1 ta’ April 1979 kif ukoll il-75 sena minn meta l-Ingliżi installaw l-ewwel sistema tar-radar f’Malta fl-istess sit fejn jinstab ir-radar preżenti.

Dawk kollha li attendew għal din l-Open Day setgħu juru kemm ir-Radar kif ukoll kumpless taħt l-art tal-istess radar li kien jintuża mill-Ingliżi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.

Ara l-kummenti ta’ diversi persuni li attendew l-Open Day fil-filmat t’hawn fuq.

Waqt it-tours li saru b’mod regolari tul il-ġurnata, il-pubbliku kellu aċċess kemm għall-ewwel sular tal-kumpless taħt l-art fejn kienu jinżammu d-diesel generators kif ukoll il-livell ta’ taħt fejn kien jinżamm l-apparat tat-trasmissjoni. Il-pubbliku żar ukoll kamra kbira li kienet tintuża bħala Operations Room. F’kull sular il-pubbliku seta’ jsegwi preżentazzjonijiet minn nies esperti f’dan il-qasam.

Fl-istess Open Day dawk preżenti setgħu wkoll jiksbu kopja tal-ktieb ‘Malta’s early warning systems during World War II’ li jiffoka fuq is-sistemi tar-radar Ingliżi li kienu użati f’Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-ktieb fih iktar minn 550 paġna u jinkludi iktar minn 400 ritratt li fil-maġġoranza tagħhom qatt ma kienu ppubblikati. L-awtur tal-ktieb, il-Maġġur Tony Abela kien preżenti waqt din l-attivita’ biex jiffirma kopji tal-ktieb.