Il-Ħadd waranofsinhar, fl-Ajruport internazzjonali ta’ Malta niżlet l-ewwel titjira tal-linja tal-ajru Awstrijaka, Niki.
Din il-linja tal-ajru se tkun qed tiżdied mal-bqija tal-liji l-oħra tal-ajru li jinżlu fl-ajruport ta’ Malta fuq bażi regolari.
Infatti Fly Niki li t-titjiriet tagħha lejn Malta se jitilqu minn Vjenna fl-Awstrija, se tkun qed topera wkoll fix-xitwa, inkluż fix-xhur tax-xitwa li ma tantx huma popolari mat-turisti.
Il-passiġġieri, li kienu abbord it-titjira li waslet fl-Malta fis-1.30 tal-Ħadd waranofsinhar, kienu milqugħa b’fjuri u minn daqq tradizjonali Malti.
Wara l-membri tal-ekwipaġġ inkluż il-piloti kienu milqugħa minn rappreżentant tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, minn rappreżentant tal-Ministeru tat-Turiżmu u anke mill-Ambaxxatriċi Awstrijaka għal Malta Petra Maria Schneebauer.
Fost il-passiġġieri abbord it-titjira fuq l-ajruplan tal-linja tal-ajru Niki kien hemm wkoll grupp ta’ ġurnalisti minn Vjenna li fil-ftit jiem li se jagħmlu f’Malta se jkollhom iċ-ċans li jżuru l-ibliet u l-irħula Maltin biex bħala ġurnalisti jirrapurtaw dak li esperjenzaw f’pajjiżna permezz tal-mezzi tal-midja f’pajjiżhom.
//= $special ?>