Kultura Kurżitajiet Lokali

[FILMAT] Ħal Balzan b’rekord nazzjonali fil-logħob tan-nar

Ħal Balzan kiser rekord nazzjonali hekk kif is-Sibt filgħaxija tella’ wirja tal-akbar mixgħela ta’ faċċata b’effetti pirotekniċi ‘strobe’.

L-attivita’ mhux tas-soltu saret fl-okkażjoni tal-festa titulari ta’ Marija Annunzjata u ttellgħet mill-Każin tal-Banda San Gabriel (AD 1920) u l-Għaqda Piroteknika 25 ta’ Marzu (AD 2007), fejn attendew mijiet ta’ persuni biex isegwu l-wirja bin-nar.

‘The Malta Records’ kienu wkoll preżenti biex josservaw sabiex jaraw li jintlaħqu l-kriterji meħtieġa tal-akbar mixgħela ta’ faċċata b’effetti pirotekniċi ‘strobe’.

Matul iż-żmien, it-tradizzjoni tal-manifattura tal-logħob tan-nar kienet waħda kbira f’Ħal Balzan u biex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja inħass il-bżonn li ssir attivita’ fejn l-artiġjanat pirotekniku Balzani jerġa’ jagħti l-ħajja lil din is-sengħa partikolari.

Matul is-serata kien hemm ukoll programm sħiħ ta’ divertiment b’numru kbir ta’ mistiedna speċjali, fosthom il-grupp rebbieħ fil-Malta Eurovision Song Contest, ‘Firelight’.