Formula 1 Sport

Hamilton jirbaħ fil-Malasja f’doppjetta għal Mercedes

FORMULA 1

Lewis Hamilton kiseb rebħa dominanti fil-GP tal-Malasja meta temm quddiem sieħbu tal-istess tim Nico Rosberg hekk kif il-Mercedes spiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet.

Hamilton kellu kontroll sa mil-bidu neta u rnexxielu jibdel it-tluq tiegħu mill-ewwel post, f’vantaġġ sal-ewwel kantuniera u minn hemm ikkontrolla t-tiġrija.

Rosberg ma kienx kapaċi jżomm il-pass miegħu u kkonċentra biex jaċċerta li sat-tmiem jibqa’ quddiem iċ-Champion renjanti Sebastien Vettel.

L-Ispanjol tal-Ferrari Fernando Alonso, temm fir-raba’ post wara li s-sewwieq l-ieħor tar-Red Bull, Daniel Ricciardo kellu problemi bil-karozza.

Nico Hulkenberg tal-Force India temm il-ħames.

Ricciardo kien fir-raba’ post sakemm daħal għat-tielet pit stop fl-40 minn 56 dawra imma telaq mill-pit qabel ir-rota ta’ quddiem tax-xellug kienet twaħħlet sewwa u l-Awstraljan kellu jieqaf f’nofs il-pit lane u jiġi mbuttat lura mill-mekkaniċi sakemm twaħħlitlu r-rota sewwa.

Dan id-dewmien swielu dawra sħiħa f’vantaġġ għal Alonso li kien ferm viċin tiegħu. Tliet dawriet wara Ricciardo sofra daqqa ta’ ħarta oħra meta żviluppa ħsara fil-wing ta’ quddiem u kellu jagħmel kważi dawra sħiħa qabel seta’ jidħol fil-pit. Eventwalment irtira ħames dawriet mit-tmiem.

L-Awstraljan kellu tluq tajjeb tant li mill-ħames mar fit-tielet post wara s-sewwieqa tal-Mercedes u quddiem Vettel u Alonso.

Vettel qabżu fil-bidu tat-tielet dawra u Alonso segwa mill-viċin sal-ewwel pit stop.

Il-fatt li waqaf dawra qabel Ricciardo, fisser li Alonso kellu vantaġġ ferm minimu fuq l-Awstraljan meta ħareġ mill-pits u reġa’ poġġa r-Red Bull quddiem il-Ferrari, pożizzjoni li żammha sakemm kellu l-problemi.

Il-karozzi tal-Mercedes kienu ferm quddiem l-azzjoni li kienet qed isseħħ warajhom u Hamilton kien fi klassi għalih fuq quddiem tant li sat-tielet dawra kellu erba’ sekondi vantaġġ fuq sieħbu u minn hemm ikkontrolla sat-tmiem.

Tliet dawriet mit-tmiem Hamilton ikkonferma s-superjorita` tiegħu meta għamel l-aktar dawra veloċi li kienet ta’ 1.5 sekondi aħjar minn kwalunkwe sewwieq ieħor. Barra dan għamel ukoll użu minn anqas minn 100kg ta’ fuel permess minn fost l-ewwel 10 sewwieqa.

Hamilton kien irtira fl-ewwel tiġrija fl-Awstralja mirbuħa minn Rosberg biex issa d-distakk bejn iż-żewġ sewwieqa hu ta’ 18-il punt.

Lejn tmiem it-tiġrija kien hemm ukoll theddida li setgħet tagħmel ix-xita imma kulma kien hemm kienu biss ftti qtar fl-aħħar 16-il dawra.

Hulkenberg ipprova jissupera lil Alonso billi jagħmel biss żewġ pit stops għat-tlieta tal-Ferrari imma b’tyres ġodda l-Ispanjol faċilment naqqas id-distakk ta’ 14.3 sekondi li kellu fl-aħħar 12-il dawra.

Jenson Button tal-McLaren temm fis-sitt post quddiem Felipe Massa tal-Williams li njora ordnijiet tat-tim fl-aħħar fażijiet biex iħalli lil Valtteri Bottas jaqbżu ħalli jkun jista’ jisfida lil Button.

It-tieni McLaren ta’ Kevin Magnusson spiċċat fid-disa’ post wara li kellu bżonn wing ġdida ta’ quddiem kmieni fit-tiġrija wara ħabta fit-tieni dawra mal-Ferrari ta’ Kimi Raikkonen. Inċident li tiegħu Magnusson dabbar ukoll ħames sekondi penalita` stop and go. Fl-inċident Raikkonen kellu puncture u niżel fl-aħħar post għalkemm sat-tmiem irkupra u temm fit-12-il post wara Romain Grosjean tal-Lotus u Daniil Kvjat ta’ Toro Ross li ħa l-aħħar punt tat-tiġrija.

Ikkummenta