Il-ħaddiema tal-Enemalta jinsabu serjament imħassbin u mbgħeżża hekk kif uffiċjali Ċinizi li jinsabu Malta, u li issa jiffurmaw parti mit-tmexxija tal-Korporazzjoni Enemalta, qed jilmentaw li l-ħaddiema tal-korporazzjoni għandhom il-pagi tagħhom għoljin wisq.
Din l-istorja ġiet żvelata fil-ħarġa tal-Ħadd ta’ IL-MUMENT fejn intqal li fl-aħħar jiem kompliet tirrenja inċertezza kbira fost il-ħaddiema tal-Enemalta dwar il-futur tal-impjiegi tagħhom wara li kumpanija tal-Gvern Ċiniż kisbet 33% tal-ishma tal-Enemalta u xtrat il-kontroll sħiħ tal-impjant tal-BWSC f’Dellimara.
IL-MUMENT tgħid li sorsi li tkellmu magħha qalu li ċ-Ċiniżi huma tal-fehma li l-pagi qed jirċievu l-ħaddiema f’din il-korporazzjoni huma għoljin wisq. IL-MUMENT tgħid ukoll li għandha informazzjoni li l-General Workers’ Union (GWU) hi nfurmata dwar l-ilment li ressqu ċ-Ċiniżi iżda s’issa, l-istess GWU għażlet li ma tikkummenta xejn dwar din il-pożizzjoni li qed jieħdu ċ-Ċiniżi fil-konfront tas-salarju tal-ħaddiema Maltin.
L-istorja fil-MUMENT tirraporta li l-Ministru għall-Energija Konrad Mizzi diġa’ kien rapurtat jgħid li se jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli fil-korporazzjoni Enemalta, u din l-ammissjoni mal-ewwel kienet qanqlet tħassib kbir fost il-ħaddiema.
//= $special ?>
