Lokali

Il-Korp tal-Pulizija mhux qed ilaħħaq max-xogħol

Issa li qed toqrob l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jibdew jintensifikaw il-preparamenti għal din il-ġurnata – l-24 ta’ Mejju. Mhux biss mill-partiti politiċi u l-kandidati, iżda anke mill-Kummissjoni Elettorali, kif ukoll il-forzi tal-ordni tal-pajjiż – fosthom il-pulizija.

Ġeneralment, il-Korp tal-Pulizija jkun armat sa’ snienu mhux biss għall-ġurnata tal-elezzjoni, iżda anke għall-jiem tal-kampanja elettorali kif ukoll għall-proċess tal-għadd tal-voti.
U għalhekk, kull darba meta jersqu l-elezzjonijiet, l-awtoritajiet tal-pulizija joħorġu ordni biex għal perjodu ta’ xahar ma jkunx jista’ jittieħed leave – fi ftit kliem – xahar stop leave għall-membri tal-Korp li jibqa’ fis-seħħ sa’ ġimgħa wara l-elezzjonijiet.

Madanakollu, din is-sena, jidher li din il-prassi – bħal ħafna oħrajn fil-Korp – inbidlet ukoll. Dan għaliex fil-jiem li għaddew, il-membri tal-Korp ġew infurmati li ma jistgħux jieħdu leave sa’ mill-11 ta’ April – li apparti li jaħbat id-Duluri, ifisser xahar u nofs stop leave u mhux xahar bħas-soltu.
Forsi wieħed jista’ jaħseb li ġimgħatejn żejda stop leave mhux se jagħmlu differenza kbira. Madanakollu, il-membri tal-Korp tal-Pulizija ma jaħsbuhiex l-istess.

Anke għaliex inzerta li dawn il-ġimgħatejn żejda li ġew introdotti din is-sena se jaħbtu eżatt fil-ġimgħa tal-Għid il-Kbir. Perjodu li wieħed ikun jixtieq, kemm jista’ jkun, iqattgħu mal-qraba u l-ħbieb.
Il-membri tal-Korp tal-Pulizija, din is-sena, iżda ma jistgħux. Għax ġew ordnati ma jiħdux leave, minħabba li għal xi raġuni jew oħra, it-tmexxija tal-Korp din is-sena ddeċidiet li l-istop leave jiġi estiż minn xahar għal xahar u nofs.

Is-sorsi ta’ MaltaRightNow fid-Depot tal-Pulizija qalulna li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li wara l-promozzjonijiet li ngħataw fil-korp, u wara l-ammont kbir ta’ transfers li saru fix-xhur li għaddew – fosthom issa anke pulizija li qed jiġu trasferiti lejn korpi dixxiplinati oħra – il-Korp m’għandux biżżejjed riżorsi umani biex ikopri l-perjodu tal-Għid u l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Diversi pulizija esprimew it-tħassib tagħhom ukoll għall-fatt li minkejja li baqa’ biss ġimgħatejn biex jibda l-proċess tat-tqassim tal-voti fid-djar, għadhom ma ntgħażlux il-pulizija li se jkunu qed jagħmlu dan it-tqassim. Is-soltu, qalulna l-istess sorsi fid-Depot, il-pulizija li jkunu ġew magħżula biex iqassmu d-dokumenti tal-voti, jkunu nfurmati minn qabel.

Il-proċess tat-tqassim tal-voti hu ppjanat li jibda s-Sibt 12 ta’ April u jibqa’ sejjer sal-Ġimgha 2 ta’ Mejju.