Għawdex Lokali

Il-Prim Ministru għandu jaħdem għall-appoġġ tal-Oppożizzjoni

Għajnsielem, Għawdex

 

Ir-reshuffle tal-Kabinett li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel ilbieraħ, qatlet l-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ u tal-moviment tal-moderati u tal-progressivi għax l-istess Ministri li kienu jaħdmu mal-Prim Ministru ħassew li ma’ dan il-Prim Ministru ma tistax taħdem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt djalogu fis-Sala tal-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem Għawdex li għaliha attendiet folla numeruża.

Simon Busuttil irrefera wkoll għan-nomina ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew u qal li hu bħala Kap tal-Oppożizzjoni la kien infurmat u lanqas ikkonsultat dwar dan. Għalhekk issa l-Prim Ministru m’għandux jistenna l-appoġġ tal-Oppożizzjoni dwar din in-nomina. Simon Busuttil qal li jekk il-Prim Ministru jrid l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għandu jkollu d-diċenza u l-maturita` li jaħdem ghaliha.

Fakkar ukoll li minbarra r-riżenja tal-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia kien ukoll ukoll ir-riżenja tas-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca li jirriżulta li l-Prim Ministru żammha moħbija.

Simon Busuttil ikkritika wkoll l-għażla tal-Prim Ministru li jpoġġi s-saħħa mal-Ministeru dwar l-Enerġija u qal li dan joħloq konflitt ta’ interess.

Hu qal li issa s-saħħa se tkun immexxija minn Ministru arroganti u li ma jismax min-nies u prova ta’ dan hu l-periklu tat-tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk u l-privatizzazzjoni tal-Enemalta. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmilha ċara li s-saħħa pubblika m’għandhiex tkun privatizzata, bħalma ġara lil Enemalta.

Hu qal li l-Prim Ministru kellu opportunita` iċekken il-Kabinett li llum qed jiswa €100 miljun, imma Joseph Muscat tilef oppotunita` tajba biex inaqqas l-ispiża u llum Malta għandha Kabinett kbir daqs dak tal-Italja u ta’ Franza.

Simon Busuttil qal li wara sena ta’ Gvern Laburista il-wegħda ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex taret mar-riħ u mhux biss ma nħoloqx xogħol, imma ngħataw bosta transfers vendikattivi u l-link permanenti bejn Malta u Għawdex lanqas biss għadha tissemma.

Hu qal li pajjiżna jixraqlu aħjar u għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jibni l-politika tiegħu fuq l-għaqda u għalhekk se jivvota favur il-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President ta’ Malta. Il-Partit Nazzjonalista hu t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi permezz ta’ politika kalma u kostruttiva.

 

[headlines headline=”h3″ ]”Inizjattiva li tfakkar fi żmien il-korpi” – Chris Said [/headlines]

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li l-unika inizjattiva għal Għawdex mill-Gvern kienet dik imsejjħa il-‘Greener and Cleaner Gozo’ li hu simli għal korpi tas-snin sebgħin fosthom ‘Iżra u Rabbi’. Qal li l-kundizzjonijiet tan-nies li qed jissejħu biex jidħlu f’dan huma kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarju imma qal li Tony Zarb u l-GWU baqgħu bi skiet totali.

 

[headlines headline=”h3″ ]“Prim Ministru li mhux jisma’ mill-esperti” – Roberta Metsola [/headlines]

Id-Deputat Ewro Parlamentari Roberta Metsola qalet lil l-Gvern baqa’ għaddej bil-pjan li jankra tanker bil-gass f’nofs il-bajja ta’ Marxaxlokk. Hi staqsiet għaliex Joseph Muscat ma jridx jisma min-nies u fakkret li hu kiteb lil MEPA li jekk ikun hemm appell dwar id-deċiżjoni tal-tanker tal-gass, kien se jibqa sejjer bil-proġett. Qalet li Muscat mhux qed jisma mill-esperti li qed jgħidulu biex ibiegħed il-periklu min-nies u staqsiet jekk kienx hemm xi wegħda qabel l-elezzjoni.

 

[headlines headline=”h3″ ]”In-nies qed jibżgħu jitkellmu” – Kevin Cutajar [/headlines]

Il-kandidat tal-PN ghal elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Cutajar qal li qed idur ħafna djar f’Għawdex u f’Malta u hemm ħafna sens ta’ biża fejn in-nies qed jibżgħu jitkellmu. Hu qal li dan mhux aċċettabbli f’pajjiż demokratiku. Qal li fl-24 ta’ Mejju l-poplu għandu okkażjoni tad-deheb biex jibgħat messaġġ lill-Gvern billi jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista ħalli jikseb it-tielet siġġu.