Il-Pulizija Messikana sabet 370 tifel u tifla li kienu abbandunati waqt il-vjaġġ biex jaqsmu mill-Messiku lejn l-Istati Uniti illegalment.
Ħafna mit-tfal instabu ftit bogħod mill-fruntiera Amerikana, fid-deżert u f’kundizzjoni ta’ saħħa ħażina.
It-tfal kienu fil-maġġoranza minn pajjiżi fqar tal-Amerikan Ċentrali fosthom il-Honduras, il-Gwatemala u El Salvador. Xi wħud minnhom qalu li kienu ħalsu bejn 3,000 u 5,000 dollaru Amerikan għall-vjaġġ imma kienu abbandunati nofs triq.
Dan l-ammont instab f’perjodu ta’ ġimgħa bejn is-17 u l-24 ta’ Marzu u ċ-ċifra nħarġet mill-Istitut Nazzjonali għall-Immigrazzjoni Messikana. Intqal li minn dan l-ammont, 163 tifel u tifla nstabu totalment waħedhom filwaqt li l-oħrajn instabu fi gruppi żgħar.
Dan spiss ikun sar biex jingħaqdu mal-ġenituri li jkunu daħlu għal rashom fl-Istati Uniti.
Hu stmat li kull sena jintbagħtu lura mill-Istati Uniti lejn il-Messiku, 40,000 tifel u tifla wara li jkun instab li daħlu fil-pajjiż illegalment.
//= $special ?>

