Lokali

Marlene Farrugia tgħid li Godfrey Farrugia kien kostrett li jirriżenja

Godfrey Farrugia kien kostrett li jirriżenja. Dan qalitu d-Deputat Laburista Marlene Farrugia, s-sieħba tal-eks Ministru Godfrey Farrugia meta għal darb’oħra għamlet referenza għar-riżenja tal-Ministru tas-Saħħa, permezz ta’ Facebook.
Fil-fatt, fuq Facebook, Marlene Farrugia rribattiet għal xi insinwazzjonijiet li saru fuq l-istazzjon Laburista. Hi qalet li x-xewqa ta’ Godfrey Farrugia kienet li jibqa’ Ministru tas-Saħħa. Iżda fi kliemha, din ma kenitx ix-xewqa tal-Prim Ministru għaliex offrielu Ministeri oħra.
Fl-istess post, id-Deputat Laburista qalet li Godfrey Farrugia ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja wara li l-Prim Ministru xtaqu Ministru iżda mhux tas-saħħa.
Hawnhekk, għal darb’oħra, Marlene Farrugia rreferiet il-ħbieb tagħha fuq Facebook għall-ittra tar-riżenja ta’ Godfrey Farrugia minn Ministru. Riżenja, flimkien ma’ dik ta’ Franco Mercieca, li wasslet għal ġurnata twila ta’ laqgħat fil-Palazz tal-Girgenti ma’ Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati Laburisti.
Sadanittant, anke Franco Mercieca rrefera għas-social media biex jikkummenta b’mod pubbliku dwar ir-rizenja tieghu. Fuq Twitter, filwaqt li rringrazzja lil kull min ħadem miegħu matul is-sena li għaddiet, ammetta li fil-fond ta’ qalbu, dejjem ried imur lura fejn verament iħoss li għandu jkun,  jiġifieri mhux fil-Kabinett ta’ Muscat, iżda fil-prattika privata tiegħu.
Ara dak li kitbet Marlene Farrugia fuq Facebook:
Marlene Farrugia godfrey farrugia kostrett jirrizenja