Kultura

Il-passjoni ta’ Kristu fit-toroq

L-Imsallab fi Triqatna huwa l-isem ta’ dramm tal-passjoni ta’ Ġesù li jsir fit-toroq, attività li saret għall-ewwel darba fis-sena 2000 imma li issa saret appuntament annwali minħabba l-popolarità li kisbet.

Meqjus bħala wieħed mill-akbar esperimenti tat-teatru fit-triq, id-dramm ipoġġi lill-udjenza proprju bħala parti mill-istess dramm, hekk kif it-toroq fejn ikun organizzat jitbiddlu fix-xenarju ta’ Ġerusalemm fi żmien Kristu, b’armar maħsub apposta.

Għal din is-sena, id-dramm se jsir fit-toroq tar-Rabat Għawdex, fil-5 t’April u fl-Imqabba fid-9 t’April, proprju jumejn qabel ma titfakkar id-Duluri.

Id-dramm hu organizzat mill-Għaqda Dilettanti Ġimgħa l-Kbira Għawdex, li f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu, tat id-dettalji tal-avveniment ta’ din is-sena.

Anton Refalo, il-Ministru għal Għawdex, f’indirizz waqt l-istess konferenza, irringrazzja lil dawk kollha li jaghtu sehemhom biex din l-attività tkun suċċess u qal li huma inizjattivi bħal dawn li jkomplu jippromwovu lil pajjiżna bħala destinazzjoni ta’ turiżmu, speċjalment it-turiżmu reliġjuż lejn il-gżira Għawdxija.

Id-dramm se jixxandar għall-ewwel darba f’edizzjoni specjali fuq NET TV.