Lokali Saħħa

Chris Fearne se jibqa’ jipprattika bħala konsulent fl-Isptar Mater Dei

Wara r-reshuffle li tħabbret permezz ta’ stqarrija tal-Gvern is-Sibt li għadda u li kienet tgħid li Chris Fearne se jinħatar bħala Segretarju Parlamentari tas-Saħħa, jumejn wara, it-Tnejn, bdew jiġu ppublikati aħbarijiet dwar il-prattika ta’ Fearne bħala konsulent.

The Times of Malta rrapurtat li Fearne se jibqa’ jipprattika bħala konsulent fl-Isptar Mater Dei mingħajr ħlas u dan waqt li jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari. Dan ikkonfermah Fearne stess mal-ġurnal minkejja li l-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jgħid b’mod ċar ħafna li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari m’għandhomx jibqgħu jipprattikaw il-professjoni u dan japplika wkoll għall-prattika ta’ professjoni mingħajr ħlas.

Ma’ The Times of Malta, Chris Fearne qal:
‘Ser inwaqqaf il-prattika privata tiegħi u tajt struzzjonijiet ċari sabiex ma’ ningħatax appuntamenti ġodda fil-privat. Ser inkompli iżda nara l-pazjenti fl-Isptar Mater Dei mingħajr ebda spiża għal pazjent’.

Dikjarazzjoni li għal ħafna sservi bħala eku ta’ dak li ġara propju bħal dan iż-żmien sena meta l-eks Segretarju Parlamentari Franco Mercieca kien ukoll iddikjara li ser iwaqqaf il-prattika privata tiegħu iżda kien ser jibqa’ jara l-pazjenti fis-servizz tas-saħħa pubblika.

Filwaqt li Franco Mercieca qal ma’ maltarightnow.com li talab lill-Prim Ministru li ma jkunx ikkunsidrat għall-kariga fil-Kabinett meta ssir ir-reshuffle, bl-aħbar ta’ Fearne, jidher li l-membri tal-Kabinett wara r-reshuffle, xorta se jkunu qed jiksru l-kodiċi tal-etika tal-membri tal-Kabinett.

Li Ministru jew Segretarju Parlamentari jibqa’ jippratika l-professjoni tiegħu tmur kontra l-kodiċi tal-membri tal-Kabinett li f’artiklu 43 jgħid li, ‘Malli Ministru jiġi maħtur huwa mistenni li ma jkomplix bil-ħidma privata tiegħu. Huwa għandu jiddedika l-ħin kollu tiegħu għar-rwol uffiċjali li jingħata. Din il-projbizzjoni tapplika wkoll għal konsulenzi u ħidma f’uffiċji jew kliniċi għal għoti ta’ pariri professjonali u dan anke jekk ix-xogħol ikun qed isir mingħajr ebda ħlas’.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, meta mistoqsi dwar dan, saħaq biss li l-kodiċi tal-etika l-ġdid, għadu mhuwiex pubblikat. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-kodiċi tal-etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari se jiġi revedut u dan wara li faqqgħet kontroversja bil-prattika tal-professjoni li kien baqa’ jagħmel Franco Mercieca meta nħatar Segretarju Parlamentari.