Lokali

Ħelsien: tat-tfal tal-immigranti llegali u mill-preġudizzju

Biex jitfakkar il-35 anniversarju minn meta Malta ngħatat il-Ħelsien mill-Ingliżi, il-Partit Laburista, bħal kull sena organizza l-attività fil-Birgu, quddiem il-monument tal-Ħelsien, f’xatt ir-riżq, biex ifakkar dan l-anniversarju.

Fost dawk li attendew għal din l-attività kien hemm il-Prim Ministru u l-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat flimkien mal-mara tiegħu, Marie Louise Coleiro Preca li ftit tal-jiem oħra se tinħatar bħala President ta’ Malta, Ministri, Segretarji Parlamentari, Deputati Laburisti fost oħrajn.

Fid-diskors li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Coleiro Preca hi l-mara tal-mument li tista’ tiġbor flimkien lill-poplu darba għal dejjem irrelevanti mit-twemmin politiku.

Muscat qal li fis-snin li ġejjin pajjiżna għandu żewġ sfidi kbar ta’ ħelsien li ma jiswewx flus u li hu lest jikkometti ruħu biex jitwettqu.

L-ewwel ħelsien li jrid jikseb pajjiżna hu dak mill-preġudizzju. Hawnhekk Muscat għamel referenza għad-dritt li koppji omosesswali għandhom għall-addozzjoni u li ħadd m’għandu jindaħlilhom kif jgħixu filwaqt li nirrispettaw id-deċiżjonijiet tagħhom.

It-tieni sfida ta’ ħelsien li pajjiżna jrid jilħaq hi dik fil-konfront tal-immigranti llegali li jgħixu f’ċentri ta’ detenzjoni f’pajjiżna. Joseph Muscat qal li lil dawn il-persuni ma rridux inċaħħduhom mid-drittijiet bażiċi tagħhom fosthom il-ħelsien, speċjalment jekk dawn l-immigranti jkunu lesti jimxu mar-regoli ta’ pajjiżna.

Iżda biex isir dan pajjiżna għandu bżonn ir-riżorsi u l-ewwel ma rridu nibdew hu minn dawk l-aktar vulnerabbli jiġifieri t-tfal li huma maqfulin f’kampijiet qishom xi kriminali sostna Muscat.

Il-Prim Ministru Muscat qal li fil-qasam tal-immigrazzjoni llegali, il-politika tal-Ewropa falliet.

Matul l-attività tal-Partit Laburista tkellmet ukoll Marie Louise Coleiro Preca li daqt tinħatar bħala l-Kap tal-Istat. Hi appellat biex bħala poplu nifmhu, ngħarfu u napprezzaw l-istorja ta’ pajjiżna li tagħmilna l-poplu li aħna.

Tkellem ukoll id-deputat mexxej tal-Partit Laburista, Toni Abela.

Matul l-attività l-kantanta Mary Spiteri, li kantat il-kanzunetta Tema’ 79, ippreżentat lill-Prim Ministru Joseph Muscat CD b’kanzunetta bl-isem Joseph li nkitbet apposta għall-mexxej laburista Joseph muscat. Mary Spiteri qalet li din il-kanzunetta, Joseph, se toħroġ minn qalb laburista.

Lejn l-aħħar tal-attività tpoġġew il-fjuri quddiem il-monument tal-ħelsien fil-Birgu.