Lokali

Jiġbdu ajruplan bil-ħabel għall-Istrina

Il-jum tat-Tnejn, festa pubblika għal pajjiżna, beda b’mod differenti għal gruppi ta’ ħbieb li għażlu li jieħdu sehem f’inizjattiva mhux tas-soltu b’risq l-Istrina – il-Plane Pull Malta.

Dan hekk kif il-kumpanija DHL Express flimkien mal-Phoenix Sports Club ngħaqdu flimkien biex organizzaw il-ġbid ta’ ajruplan fil-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika biex jinġabru fondi għall-Istrina.

Biex din l-attività ma tpoġġi l-ebda riskju fuq il-parteċipanti, l-ajruplan Boeing 757-200 Freighter, li jiżen mal-130 tunellata, inżamm bil-magni mixgħulha waqt li inġinier baqa’ fis-siġġu tal-pilota biex juża l-brejkijiet f’każ ta’ bżonn. Inġinier ieħor baqa’ fuq l-art biex jikkoordina l-attività.

L-isfida għall-parteċipanti kienet li jiġbdu l-ajruplan għal 20 metru, l-ewwel ‘il quddiem għat-telgħa imbagħad b’lura fejn l-art ixxaqleb għan-niżla.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll numru ta’ Deputati tal-Oppożizzjoni li huma George Pullicino, Toni Bezzina, Robert Cutajar, Antoine Borg, Claudio Grech u Michael Gonzi kif ukoll il-Kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, Helga Ellul.

Ritratti ta’ Joseph Galea