Fid-diskors tiegħu f’ċerimonja lejliet Jum il-Ħelsien, il-Prim Ministru Muscat ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern se jieħu pass kbir ’il quddiem billi jiżgura li ma jinżammux tfal fiċ-ċentri tad-detenzjoni f’Malta. Qal dan il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi u mill-Kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat qal li se jiżgura li ma jinżammux tfal fiċ-ċentri tad-detenzjoni f’Malta minkejja li f’pajjiżna diġà jeżisti kunsens dwar din l-kwistjoni u l-politika tal-Gvern fil-leġiżlatura preċedenti kienet li t-tfal ma jinżammux fiċ-ċentri ta’ detenzjoni ħlief għat-testijiet mediċi inizjali. L-istqarrija tgħid li anke l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia diġà stqarr diversi drabi pubblikament li mhux qed jinżammu tfal fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.
Filwaqt li laqa’ l-istqarrija tal-Prim Ministru, speċjalment fid-dawl tal-kummenti ibsin li kien qed juża fil-konfront tal-immigranti irregolari fix-xhur li għaddew, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru biex ma jipprovax jgħaddi lill-għaqdiet non-governattivi u lill-pubbliku biż-żmien, aktar u aktar f’settur daqstant delikat.
//= $special ?>
